
Il-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa fil-Gżejjer Maltin (1)
Fl-ewwel minn sensiela ta’ artikli dwar il-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa, Birdlife Malta tispjega x’inhi l-passa tal-għasafar
minn BirdLife Malta
_aron_tanti.jpg)
Il-passa tal-għasafar hija bla dubju ta’ xejn wieħed mill-aktar avvenimenti spettakolari fil-ħajja ta’ kull għasfur. Apparti li tipprovdi wkoll spettaklu naturali mill-isbaħ għal kull min f’dan iż-żmien isib ftit ħin biex joħroġ fil-kampanja biex igawdi dan l-isbaħ staġun tas-sena.
Mil-lum, fil-gazzetta ILLUM, se nkunu qed inwasslulkom tagħrif mifrux fuq tliet ħarġiet dwar dan il-fenomenu naturali li jseħħ kull sena, ipprovdut lilna minn BirdLife Malta. Dan tal-lum huwa l-ewwel feature, bit-tieni parti se tiġi ppubblikata l-Ħadd li ġej, u t-tielet u l-aħħar parti l-Ħadd ta’ wara.
X’inhi l-passa tal-għasafar?
Darbtejn fis-sena, numru kbir ta’ speċi differenti ta’ għasafar jitilqu fuq vjaġġ twil eluf ta’ kilometri mill-postijiet fejn iqattgħu s-sajf għal dawk fejn jgħaddu x-xitwa, u lura. Vjaġġ li ma jkunx nieqes mill-ostakli u li matulu jiffaċċjaw diversi perikli.
Għalkemm ir-rebbiegħa tibda uffiċjalment fl-20 ta’ Marzu, il-passa tar-rebbiegħa għall-għasafar tibda ħafna aktar qabel u fil-fatt din il-passa tal-għasafar f’Malta nistgħu ngħidu li ttul minn bejn wieħed u ieħor minn Frar sa Mejju, waqt li tilħaq il-qofol tagħha minn nofs Marzu sal-bidu ta’ Mejju.
_aron_tanti.jpg)
Matul ir-rebbiegħa, l-għasafar iħallu l-postijiet fl-Afrika fejn ikunu qattgħu x-xitwa biex ipassu ’l fuq, fid-direzzjoni tat-Tramuntana, sabiex ibejtu fl-Ewropa. Għalkemm fl-Ewropa l-Ħuttaf (Barn Swallows) huma magħrufin bħala l-għasafar li jħabbrulna l-miġja tar-rebbiegħa, l-ewwel għasafar tal-passa li normalment naraw f’Malta jkunu l-Ħawwief (House Martins), li nibdew narawhom ġejjin fil-bidu ta’ Frar fi qtajja’ żgħar. F’dan iż-żmien tas-sena dawn l-għasafar jiġu osservati kull fejn ikun hemm akkumulazzjoni ta’ ilma, bħar-riservi naturali tal-Għadira u s-Simar immexxija minn BirdLife Malta, inkella f’widien bl-ilma ħelu bħal Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes), Għajn Riħana u l-wied ta’ Marsalforn f’Għawdex. Is-Swejda (Green Sandpiper) ukoll tkun fost l-ewwel għasafar tal-passa li naraw fir-rebbiegħa u normalment tiġi osservata fl-istess postijiet fejn semmejna li jkun hemm il-Ħawwief. Dawn iż-żewġ speċi normalment jiġu segwiti mis-Silfjun (Pintail) li jpassi f’numri li jvarjaw minn sena għal oħra, u li ġeneralment narawh ipassi l-aktar fi qtajja’ tul il-fliegu bejn Malta u Għawdex, fid-direzzjoni tal-Grigal. Iċ-Ċiefa (Scopoli’s Shearwater), għasfur tal-baħar li jbejjet f’Malta, ukoll tasal lejn tmiem Frar u kapaċi taraha fi kwalunkwe parti tal-kosta, speċjalment meta jkun riħ moderat jew qawwi.
Fir-rebbiegħa l-għasafar ixiddu l-isbaħ libsa u l-aktar waħda kkulurita. U r-rix imżewwaq tagħhom (dak li bl-Ingliż jissejjaħ plumage) ikun fl-aqwa tiegħu hekk kif ikunu qed iħejju biex ibejtu. L-irġiel ikunu f’dak li huwa magħruf bħala full breeding plumage u normalment ipassu ftit jiem qabel in-nisa sabiex jilħqu jaslu u jieħdu kontroll tat-territorju fejn ikunu se jbejtu kemm jista’ jkun malajr. Apparti minn dan, speċi ta’ għasafar meqjusin bħala residenti, tismagħhom jgħannu b’vuċi għolja. Fost dawn insibu pereżempju l-Merill (Blue-rock Thrush) raġel, li f’dan iż-żmien faċilment tisimgħu jgħajjat u jgħanni tul l-irdumijiet madwar il-Gżejjer Maltin. Għasfur residenti ieħor li jkun ħafna iktar attiv u jgħanni f’dan iż-żmien hija l-Bufula Sewda (Sardinian Warbler) li huwa mifrux ħafna fil-Gżejjer Maltin u li saħanistra kapaċi jbejjet anki fil-ġonna tad-djar tagħna.
_f'għajn_riħana_aron_tanti.jpg)
Ir-rebbiegħa hija wkoll żmien meta għasafar li jkunu qattgħu x-xitwa magħna jħallu l-Gżejjer Maltin wara li jkunu għaddew xitwa sħiħa hawnhekk. Fost dawn insibu l-Pitirross (Robin), iz-Zakak Abjad (White Wagtail), il-Pespus (Meadow Pipit), il-Malvizz (Song Thrush), il-Buċaqq tax-Xitwa (Common Stonechat), il-Fjamma Sewda (Black Redstart), il-Gawwija Rasha Sewda (Mediterranean Gull) u l-Gawwija Rasha Kannella (Black-headed Gull), il-Kapinera (Blackcap), il-Vjolin tax-Xitwa (Common Chiffchaff) u l-Isturnell (Common Starling). Dawn kollha, flimkien ma’ speċi oħrajn li mhux faċli tarahom daqs dawn l-għasafar li semmejna, kollha jitilqu matul ir-rebbiegħa.=
Segwu t-tieni u t-tielet parti ta’ dan il-feature fil-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li ġej u l-Ħadd ta’ wara. Fil-partijiet li jmiss se nidħlu fid-dettall tal-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa xahar b’xahar.

