Oħlom issa ... żurna 'l quddiem' huwa l-isem ta’ kampanja promozzjonali li nediet illum l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu bil-għan li tfakkar lil turisti prospettivi dwar is-sbuħija li qed tistennihom f’Malta ladarba jkun possibbli li wieħed jivvjaġġa mill-ġdid. Permezz ta’ filmat ta’ minuta li nħadem f’14-il lingwa differenti, il-kampanja se tkun konċentrata l-aktar onlajn, u se tkun akkumpanjata minn serje ta’ posts fuq midja soċjali li jwasslu l-istess messaġġ.
F’kumment dwar il-kampanja, Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, stqarret li ħafna drabi, meta tiġi sfida bħal ma qed niffaċċjaw bħalissa t-tendenza umana hija li twaqqaf il-kampanji pubbliċitarji kompletament. "Din ma kinitx il-filosofija tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kif ukoll tal-Gvern Malti. Anzi, bil-maqlub, ħsibna li noħolqu kampanja f’14-il lingwa, orjentata lejn oqsma differenti, bil-ħsieb li ndewqu lit-turist prospettiv ix-xeni tipiċi sbieħ tal-Gżejjer Maltin, li jista’ jarahom issa u jżurhom fiżikament aktar ‘il quddiem.”
Carlo Micallef, Deputat Kap Eżekuttiv u Chief Marketing Officer tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, żied jgħid li minkejja li t-turiżmu internazzjonali jinsab wieqaf għar-raġunijiet li jaf kulħadd, "il-ħidma tat-tim tal-Marketing fi ħdan l-Awtorita’ baqgħet għaddejja bla waqfien u bħalissa qegħdin invaraw diversi kampanji f’pajjiżi differenti fejn hemmhekk inżommu lill-Gżejjer Maltin fi ħsieb dawk li għada pitgħada se jerġgħu jkunu turisti lejn pajjiżna.”
Johann Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, spjega kif minbarra l-aspett tar-reklamar, l-Awtorita’ tinsab ukoll għaddejja b’ħidma fuq proġetti mmirati lejn titjib fl-infrastruttura, kif ukoll titjib fil-livell tas-servizz provdut lit-turist, permezz ta’ korsijiet għall-impjegati li jaħdmu fis-settur turistiku.
“Ma ninsewx li, hekk kif tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19, il-kompetizzjoni bejn destinazzjonijiet turistiċi se tkun waħda qawwija. U għalhekk aħna rridu nkunu fuq ta’ quddiem biex, flimkien mal-kollaboraturi tagħna fl-industrija, bħal-lukandi, ir-ristoranti u oħrajn, noffru l-aqwa prodott possibbli biex nerġgħu nattiraw it-turiżmu bħal ma konna nagħmlu qabel ma faqqgħet il-pandemija.”