'Mossa perikoluża għall-aħħar'- L-FKNK dwar il-kwerela ta' Birdlife Malta

L-FKNK tgħid li qed tikkunsidra azzjoni legali kontra Birdlife Malta fuq akkuża ta' 'rapport falz'

Joe Perici Calascione u Lino Farrugia quddiem l-uffiċini tal-FKNK
Joe Perici Calascione u Lino Farrugia quddiem l-uffiċini tal-FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti laqgħet b’approvazzjoni u sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li fi żmien 24 siegħa rrisponda lill-BirdLife Malta (BLM) li kienu talbuh jieħu passi kontra madwar 6,000 kaċċatur, fuq il-bażi li l-liċenzji dan l-istaġun huma llegali għax inħarġu mill-Ministeru ta' Għawdex minflok tal-Ambjent.  

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija lbieraħ qal illi hu ma jistax jilqa' t-talba li jiddeċiedi hu l-liċenzji tal-kaċċa ħarġux illegalment mill-Ministeru ta' Għawdex, minflok tal-Ambjent għaliex din mhijiex kompitu tal-pulizija. 

Il-FKNK sostniet li din il-kwerela ta' BLM kienet "mossa perikoluża għall-aħħar fejn il-BLM waslet saħansitra, u mingħajr ebda skruplu, biex titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija li l-kaccaturi kollha jitressqu l-Qorti fejn jistgħu jaffaċċjaw multa sa massimu ta’ €10,000 kull wieħed u /jew sentenza ta’ ħabs.  Din it-talba saret minkejja li l-liċenzji kollha li inħarġu għal dan l-istaġun tar-rebbiegħa ħarġu regolament u legalment," sostniet l-għaqda li tirrapreżenta lill-kaċċaturi. 
 
Il-FKNK qalet li dan kollu huwa prova tan-nuqqas ta’ serjetà u kredibilità tal-BLM "li kienu lesti li jagħmlu rapport infondat u jtuh pubbliċità nazzjonali jekk mhux internazzjonali."
 
L-FKNK, simili għal Birdlife Malta lbieraħ, qalet li lesta tieħu kull pass legali kontra l-BLM li għandha dritt għalih skond il-liġi, u tista titlob lill-Kummissarju illi jipproċiedi bl-investigazzjoni tal-kwerela kontra l-BLM stess fuq suspett ta’ rapport falz.
 

More in Socjali