‘Għinihom biex żammewha d-dar u ma tmutx waħedha fl-isptar’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Hospice Malta dwar il-ħidma ma taqta’ xejn tagħhom biex iżommu kuntatt mal-pazjenti u l-qraba tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija

Hospice Malta qed tagħmel minn kollox biex fejn ikun possibbli, pazjenti morda bil-kanċer, jibqgħu fid-djar mal-qraba tagħhom u mhux jispiċċaw waħedhom fl-isptar, hekk kif biex ikunu protetti l-pazjenti, iż-żjajar kollha f’Mater Dei ġew sospiżi. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Manager tas-Servizzi tal-Kura, Anna Frendo, li spjegat il-ħidma li baqgħet għaddejja fi ħdan il-Hospice bil-għan li l-pazjenti u l-qraba tagħhom jibqgħu jirċievu l-għajnuna kollha possibbli.

Ma’ Frendo tkellimna fuq ir-realtà diffiċli li qed ikollhom jiffaċċjaw diversi familji meta l-qraba tagħhom ikollhom jiddaħħlu fl-Isptar Mater Dei għall-kura.

“Ħafna persuni jixtiequ li jżommu lill-qraba tagħhom kemm jista’ jkun id-dar u qed jirnexxilna,” spjegat Frendo. “Hija realtà kerha ħafna. Fejn nistgħu qed ngħinuhom biex iżommu l-pazjenti d-dar għax din tbeżżagħhom ħafna.”

Jibqa’ l-fatt li qed ikun hemm sitwazzjonijiet fejn ma tkunx tista’ tagħmel mod ieħor, iżda anke hawn Hospice Malta qed iżżomm kuntatt mat-tobba u l-infermiera tal-isptar biex ikunu jistgħu jżommu lill-qraba aġġornati kontinwament.

“Importanti wkoll l-appoġġ emozzjonali u psikoloġiku. Huwa żmien diffiċli ħafna għalihom. Diffiċli għall-qraba li jixtiequ jagħmlu xi ħaġa u ma jistgħux.”

Propju għalhekk li Hospice Malta qed tipprovdi pariri kontinwi, mill-professjonisti kollha tagħha, inkluż tobba, fiżjoterapisti u anke ħaddiema soċjali, biex il-pazjenti jibqgħu d-dar mal-qraba.

Semmiet każ partikolari ta’raġel li xtaq iżżomm lil qariba d-dar biex tkun mal-familja. 

“Ħin minnhom din il-persuna ppanikjat għax rat affarijiet li forsi għalina huma normali u għaliha le. Ċempel u tajnih il-pariri. Rajna li kien qed jagħmel dak kollu li għidnilu u l-isptar ma kienu se jagħmlu xejn differenti. Serraħ rasu, żamm lill-pazjenta d-dar u fil-fatt mietet fid-dar stess imdawra mill-familja,” spjegat Mamo.

Il-Hospice tibqa’ toffri s-servizzi kollha tagħha

Fil-fatt, ma’ Mamo tkellimna dwar kif, minkejja li din is-sitwazzjoni ħadd ma kien qed jistenniha, il-Hospice bidlet malajr l-operat tagħha biex baqgħet toffri s-servizzi kollha 

“Poġġejna l-ewwel u qabel kollox is-saħħa tal-professjonisti u anke tal-pazjenti u l-qraba,” spjegat Mamo. “Anke jekk qed naħdmu mid-dar, il-pazjenti kollha qed jibqgħu jirċievu l-pariri kollha mill-infermiera, it-tobba, il-ħaddiema soċjali, il-fiżjoterapisti, il-complimentary therapist u anke ċ-chaplain.”

Il-psikologu qed juża wkoll Skype biex jibqa’ f’kuntatt mal-pazjenti.  “Bażikament bqajna għaddejin. Flok immorru d-dar, qed nagħmlu telefonati u xi ħaġa pożittiva li ħarġet minnha huwa li qed nilħqu aktar lin-nies.”

Iċ-ċentru ta’ matul il-jum kien l-ewwel servizz li għalaq, iżda l-infermiera li tieħu ħsiebu qed iċċempel ta’ spiss lil dawk li jattendu dan iċ-ċentru biex tkellimhom u tismagħhom u qed isirulhom filmati biex anke mid-djar, il-pazjenti jkunu jistgħu jagħmlu dak kollu li s-soltu jsir fiċ-ċentru. 

L-istess qed jagħmel il-fiżjoterapista biex il-pazjenti jibqgħu jagħmlu l-eżerċizzi. Apparti filmati, b’imejl jew bil-posta, il-pazjenti u l-qraba qed jirċievu l-pariri.

Hospice jipprovdu wkoll tagħmir għall-pazjenti li jkunu rikoverati fid-djar tagħhom biex kemm jista’ jkun jgħixu ħajja komda. Dan is-servizz bħalissa huwa kważi wieqaf għal kollox u bħalissa għaddejja ħidma bil-għan li dan is-servizz jibda jerġa’ jiftaħ ftit ftit. 

“Qed inħejju proċedura biex meta nwasslu dan it-tagħmir ikunu protetti l-persuni vulnerabbli,” spjegat Mamo, anke għax dan is-servizz jista’ jgħin lill-familji biex iżommu l-qraba tagħhom id-dar.

‘Quddiesa minn saċerdot qed tgħin ħafna lil min ikun tilef qarib’

Semmiet ukoll is-servizz taċ-Chaplaincy li fi kliemha qed jagħmel ħafna differenza, anke għax diversi qraba qed isibuha diffiċli li ma jistgħux jorganizzaw funeral għall-għeżież tagħhom. Fil-fatt, meta jmut pazjent, għal min irid, is-saċerdot qed jagħmel kuntatt mal-qraba biex jinfurmahom bil-quddiesa li se jkun qed jiċċelebra għal dawk il-pazjenti li jkunu tilfu ħajjithom.

“Xi ħaġa żgħira li iżda qed tagħmel ħafna differenza,” saħqet Frendo.

Apparti minn hekk, anke jekk il-Hospice ikun miftuħ bejn it-8:00pm u l-4:30pm, qed joffru servizz wara l-ħin sal-10:30pm fejn infermiera tkun tista’ toffri l-pariri kuljum, inkluż fil-ħdud u l-festi. Għal dan is-servizz wieħed jista’ jċempel fuq 78228822.

More in Socjali