Dieta Mediterranja se tgħinek tiġġieled mard respiratorju bħas-COPD
Mard respiratorju bħas-COPD huwa komuni ħafna f’Malta iżda ftit nisimgħu dwar kif anke d-dieta tista’ tilgħab rwol importanti fil-kontroll u l-prevenzjoni. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-dietican Ilona Pulis
minn Yendrick Cioffi
Nisimgħu ħafna dwar persuni f’Malta li jbatu minn problemi jew kundizzjonijiet respiratorji imma ftit li xejn nisimgħu kif dieta sana tista’ tgħin fil-kontroll u l-prevenzjoni ta’ dan il-mard. Il-gazzetta ILLUM tkellmet Ilona Pulis, dietican li spjegat x’dieta u x’tip ta’ ikel jista’ jgħin lil dawk li jbatu minn Chronic Obstructive Pulmonary Disease (COPD). Iżda COPD x’inhi?
Pulis bdiet tispjega kif il-COPD huwa grupp ta’ mard tal-pulmun fosthom l-ażma, anke jekk normalment tikkonċerna żewġ kundizzjonijiet primarji, jiġifieri emphysema u anke l-bronkite kronika.
Mistoqsija kemm hawn persuni jbatu minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, Pulis saħqet li huma komuni u mhux faċli li wieħed jinduna bihom fi stadju bikri.
“Ir-rata tagħhom qed tiżdied minħabba diversi fatturi fosthom it-tniġġis tal-arja u anke t-tipjip li huwa l-akbar fattur li jikkawża s-COPD. Infezzjonijiet respiratorji, bħall-COVID-19, ukoll iżidu r-riskju,” spjegat. “Il-COVID-19 ma jqabbadx COPD iżda minn ibati mis-COPD u jieħu dan il-virus jiggravawlu ħafna s-sintomi.”
X’tip ta’ ikel jista’ jikkontrolla jew jippreveni dan il-mard?
Hawnhekk bdejna nitkellmu fuq kif dieta tajba u bbilanċjata tista’ tgħin fil-kontroll u l-prevenzjoni.
Pulis spjegat li l-ikel l-aktar ideali huwa dak ogħli fl-antioxidants, li fi kliem sempliċi, jiġġieldu ħafna l-mard.
L-aktar antioxidants li jgħinu huma l-vitamina ċ, il-vitamine e, għax tipproteġi l-pulmun minn kimiċi li jagħmlulu ħsara u l-carotenoids li jinstabu ħafna fi frott u ħaxix ta’ lewn aħmar, oranġjo jew isfar bħalma huma l-karrotti, il-bżar tal-kulur u t-tadam.
Tip ieħor ta’ antioxidants huma l-polyphenols li jinstabu f’ħafna frott u ħaxix u jgħinu ħafna kontra l-infjamazzjonijiet. Fil-każ tal-bronkite kronika, pereżempju, din tikkawża ħafna infjammazzjoni u rritazzjoni fil-pajp tan-nifs. Hemm klassijiet differenti ta’ polyphenols, fosthom il-flavonoids bħalma huma l-basal, l-għeneb u l-inbid aħmar, il-brokolli, it-tut, il-ħawh u oħrajn.
Jgħinu wkoll il-minerali u anke l-wholegrains, jiġifieri l-ikel li fih ħafna fibra, bħall-ħobż, l-għaġin u r-ross ismar.
Id-dieta Mediterranja hija ideali
L-ILLUM staqsiet jekk il-ħut hux tajjeb anke għax id-dieta Mediterranja hija bbażata fuq il-konsum tal-ħut.
Id-dietician saħqet li d-dieta Mediterranja hija importanti ħafna iżda din ingħatat il-ġenb għal dieta aktar tal-punent ibbażata fuq il-laħam u laħam ipproċessat.
“Kieku mmorru lura għad-dieta Mediterranja hija aktar ideali għax hija bbażata wkoll fuq il-konsum tal-ħut li huwa ogħli f’dak ix-xaħam li ngħidulu omega 3. Aktar ma jkollna konsum ta’ omega 3 milli omega 6 aktar aħjar. Id-dieta tal-punent hija aktar bbażata fuq l-omega 6 li meta jiġu mmetabolizzati, joħorġu ċertu kimiċi li ma jgħinux lill-pulmun,” spjegat Pulis.
Iż-żejt taż-żebbuġa wkoll huwa ogħli fl-omega 3.
Naqqas il-konsum tal-lamaħ ipproċessat
Mistoqsija x’inhu dak l-ikel li wieħed għandu jevita biex jikkontrolla jew jippreveni s-COPD, Pulis semmiet il-laħam proċessat bħas-salami u l-perżut.
“Dawn iżidu r-riskju tas-COPD b’40%. Apparti li huma għolja fil-kolesterol u fix-xaħmijiet saturati, għandhom ukoll ħafna nitriti li jkun miżjud mal-laħam ipproċessat biex ikun ippreservat. Dawn jistgħu jaggravaw l-infjamazzjoni tal-pulmun,” spjegat Pulis.
U l-alkoħol?
Aktar qabel, Pulis semmiet l-inbid aħmar. L-ILLUM staqsieta dwar il-konsum tal-alkoħol.
“L-alkoħol kollu ma jgħinx għal din il-kundizzjoni, ħlief l-inbid aħmar. L-inbid aħmar fih tip ta’ polyphenols li jgħin biex ma jkunx hemm infjamazzjoni. Ovvjament irid ikun inbid tajjeb u kkonsmat b’moderazzjoni,” spjegat Pulis.
L-obeżità tikkawża COPD?
Malta għandha wkoll rata pjuttost għolja ta’ obeżità. L-obeżità tikkawża COPD? Pulis spjegat kif dan il-mard jinsab f’kemm persuni li għandhom piż żejjed iżda anke f’persuni li għandhom piż baxx.
“F’min għandu piż żejjed, in-nifs se jkun batut bis-COPD u jkompli jiggrava bil-piż żejjed,” spjegat Pulis.
X’tappella d-dietitian?
Għalhekk l-appell tad-dietician huwa biex persuna xxaqleb aktar lejn dieta Mediterranja, iżżid il-konsum tal-ħut, tal-ħaxix, tal-frott, tal-lewż, ftit inbid aħmar u ħafna ilma.
“Mill-banda l-oħra nnaqsu l-konsum ta’ ikel li sar jibbombardja lis-supermarkets, bħall-ikel ipproċessat li jkun fih ħafna melħ u zokkor. Aktar mhu se nieħdu zokkor aktar se nżidu r-riskju ta’ infjamazzjoni.
Agħmel aktar eżerċizzju, ieqaf pejjep u fittex l-għajnuna
Appellat ukoll biex apparti l-eżerċizzju, persuna ma tiddejjaqx tfittex l-għajnuna għax din il-kundizzjoni, apparti sfidi fiżiċi, taf iġġib magħha diffikultajiet emozzjonali, anke dipressjoni. Immaġina persuna li minħabba n-nifs ma tistax tagħmel dak li tħobb.
Il-persuni li jgħixu magħhom ukoll jistgħu jgħinuhom billi jinkoraġġuhom u fuq kollox ma jpejpux ħdejhom.
Dwar l-eżerċizzju, Pulis appellat biex dawn ma jħallux in-nifs jaqtalhom qalbhom u għalhekk jitkellmu ma’ fiżjoterapista li tkun tista’ tiggwidhom. Importanti wkoll li jitolbu parir ta’ dietician u jsegwu l-pariri li jagħtihom it-tabib.