L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda laqgħet id-direttivi maħruġa mill-Kurja dwar il-festi fejn ingħata l-permess li l-pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament ikun akkumpanjat mill-banda.
Fi stqarrija, l-Għaqda Każini tal-Banda saħqet li kellha diskussjonijiet mal-Arċisqof dwar dan u fil-jiem li ġejjin se toħroġ id-direttivi tagħha ta’ kif is-Soċjetajiet Mużikali tagħna għandhom jagħqdu l-banda tagħhom sabiex jieħdu sehem fl-imsemmi pellegrinaġġ
“L-Għaqda tibqa’ tal-fehma li peress li fl-aħħar xhur is-Soċjetajiet Mużikali tagħna kienu wieqfa mill-attivitajiet tagħhom, ma huwiex għaqli li wieħed jippjana sabiex il-festi isiru kif kienu isiru sas-sena l-oħra,” saħqet l-istqarrija. “Fiċ-ċirkustanzi preżenti fejn il-virus għadu fil-komunità, rridu nibqgħu responsabbli u bil-għaqal sabiex naħdmu flimkien għal festi aħjar s-sena d-dieħla.”