Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija COVID-19 kif evolviet f'dawn l-aħħar jiem, il-Malta Union of Teachers (MUT) appellat sabiex kulħadd jerfa' r-responsabbiltà ta' kull deċiżjoni li tittieħed. "Kull azzjoni jaf ikollha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, partikolarment fuq deċiżjoni kbira bħal dik jekk jiftħux l-iskejjel minn Settembru li ġej. L-MUT qed tagħmel dan l-appell b'responsabiltà kbira f'isem l-edukaturi. It-traskuraġni, in-nuqqas ta’ ħsieb u t-trijonfaliżmi ta’ xi wħud jafu jħallu impatt enormi fuq it-tagħlim fl-iskejjel fix-xhur li ġejjin. Bħalissa żgur li m'hemmx posthom."
Fl-istess jum illi fih il-pajjiż reġa' ra 36 każ attiv ġdid - 20 minnhom fl-imxija lokali - l-MUT qalet illi "ż-żieda fit-trażmissjoni tal-virus qed tinkwieta lil kulħadd, mhux anqas lill-edukaturi li huma konxji li l-ambjent tal-klassi jeħtieġ kuntatt kontinwu ma’ gruppi kbar ta’ studenti fi spazji ristretti."
Mingħajr ma semmiet ismijiet l-MUT appellat biex kull individwu jaħseb dwar deċiżjonijiet li jista’ jieħu li jpoġġuh f’riskju ta’ teħid u tixrid tal-virus. "Fuq quddiem nett, wara l-persuni vulnerabbli li għandhom riskji serji għal saħħithom, għandu jkun hemm it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom dritt għall-aqwa esperjenza edukattiva fl-iskola. Niftakru li din l-esperjenza tista' terġa' tiġi limitata serjament jekk jibqa' jkollna din ir-rata tat-tixrid tal-virus."