Il-vaċċin għall-Covid-19: Fhiex wasalna biex forsi neħilsu minn din il-pandemija?
Ħadd fid-dinja mhu kuntent li l-Covid-19 reġgħet qed tgħolli rasha - imma qabel ma jkollna vaċċin ftit jista' jkun hemm tama li dan il-virus ma jibqax iqum u jorqod perjodikament. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn fejn wasal il-proċess ta' produzzjoni ta' vaċċin sigur u effikaċi
minn Albert Gauci Cunningham
Il-vaċċin għall-Covid-19 - it-tama fl-aħħar ta' dan il-vjaġġ twil tal-pandemija - reġa' jinsab fuq fomm ħafna nies hekk kif ħafna qed jittamaw fih għas-soluzzjoni għal dan il-virus li issa ilu jilgħab ma' ħajjet in-nies u mal-mod kif jgħixu huma.
Illum din il-gazzetta se tagħti ħarsa lejn il-vaċċin u fejn tinsab il-ħidma fuqu f'diversi pajjiżi, magħmul minn diversi kumpaniji biofarmaċewtiċi kif ukoll universitajiet.
Il-vaċċin f'numri
Ħamsa: Ħamsa huma b'kollox l-istadji li minnhom irid jgħaddi vaċċin għall-Covid-19. Dawn huma: L-ewwelnett il-provi pre-kliniċi fejn il-vaċċin ma jkunx għadu ġie ttestjat fuq l-umani. Imbagħad hemm l-Ewwel Fażi fejn jibdew xi testijiet b'numri żgħar biex tkun żgurata is-sigurtà. Fit-tieni fażi jiżdiedu n-numru ta' testijiet li jsiru u fit-tielet fażi jibdew isiru testijiet fuq skala kbira biex tkun determinata l-effikaċità tal-vaċċin - jiġifieri kemm dak il-vaċċin jista' jħalli riżultati.
Finalment, l-aħħar stadju huwa dak tal-approvazzjoni.
L-Università ta' Oxford b'vaċċin fi stadju avvanzat
L-Università ta' Oxford ilha taħdem fuq vaċċin minn mindu kellha riżultati tajbin meta ttestjat fuq ix-xadini. Naturalment kien hemm dubji għall-bidu hekk kif dak li ħadem fuq ix-xadini mhux neċessarjament kien tajjeb biex jaħdem fuq l-umani.
L-Università ta' Oxford kienet qed taħdem mill-qrib mal-kumpanija globali tal-farmaċewtika AstraZeneca għal aktar żviluppi, manifattura fuq skala kbira u aktar distribuzzjoni tal-vaċċin għall-Covid-19. Dan għaliex filwaqt li l-università trid issib il-vaċċin, il-kumpanija tal-biofarmaċewtika trid tipproduċi dan il-vaċċin f'ammonti kbar ħafna (din hija pandemija globali).
Iktar kmieni, f'Ġunju, l-Università ppubblikat ir-riżultati tal-ewwel u t-tieni stadju fil-proċess u nstsab illi l-vaċċin li qed tipproduċi bl-isem ChAdOx1 nCoV-19 qed tħalli r-riżultati. Dan il-vaċċin kien magħmul minn virus immodifikat ġenetikament u li jikkawża l-irjiħat komuni fix-xadini. Dan il-virus ġie mmodifikat - jiġifieri kellu l-istruttura ġenetika tiegħu mibdula - biex ma jkunx ta' ħsara għall-umani u biex dan "jidher" aktar bħall-Coronavirus.
Imma kif ħadem?
Il-vaċċin pprovoka dik li tissejjaħ Ċellol T f'14-il jum minn meta ttieħed u ħoloq rispons ta' antibody fi 28 jum.
X'inhi Ċella T? Din hija tip ta' ċella bajda (White Blood Cell) li hija parti mis-sistema ta' immunità f'ġisimna u li jiżviluppaw fil-mudullun. Din tattakka iċ-ċelloli infettati bil-Coronavirus.
X'inhu antibody? Dan huwa proteina fil-ġisem illi hija wżata mis-sistema tal-immunità biex jiġġieldu bakterja u virus fil-ġisem. L-antibody tirrikonoxxi virus partikolari - qisu l-għadu fil-ġisem - u tiġġilidlu.
Waqt l-ewwel u t-tieni fażi kien determinat li dan il-vaċċin huwa sigur bi ftit effetti ta' saħħa relatati mat-teħid tiegħu. B'kollox hawnhekk il-vaċċin ingħata lil 1,000 persuna ta' bejn it-18 u 55 sena b'10 voluntiera jingħataw żewġ dożi.
Il-Professur Andrew Pollard, il-Kap Investigatur tat-Tim li qed jieħu ħsieb il-produzzjoni ta' dan il-vaċċin qal illi l-aktar riżultati b'saħħithom deheru fost dawn l-10 li ħadu żewġ dożi.
Mene Pangalos Viċi President Eżekuttiv ta' AstraZeneca qal li jinsabu kuntenti bir-riżultati "li juru illi dan il-vaċċin ipproduċa u b'veloċità antibodies u Ċelloli T. "
U l-vaċċin imur għat-tielet fażi fil-Brażil
Għalhekk il-vaċċin mar għat-tielet fażi - dak ta' qabel l-approvazzjoni. Il-voluntiera fil-Brażil bdew jirċievu l-vaċċin. Il-prova bdiet nhar is-Sibt 20 ta' Ġunju u fiha se jipparteċipaw 5,000 persuna madwar il-pajjiż: Sao Paulo, Rio De Janeiro u żona fil-grigal tal-pajjiż.
Meta se naraw ir-riżultati?
Riżultati preliminarji juru illi l-eżitu ta' dawn il-provi se jkunu miġbura matul Novembru u jekk jikkonfermaw li dan il-vaċċin huwa effettiv it-tim tal-Oxford jgħaddih lill-awtoritajiet sal-aħħar tas-sena.
Il-kumpanija AstraZeneca fuq is-sit tagħha fil-21 ta' Mejju kienet qalet illi diġa' ffirmat ftehim għall-ewwel 400 miljun doża u assigurat l-abbilità li toħloq biljun doża oħra biex tibda tqassam ix-xahar id-dieħel. Naturalment jidher illi din il-mira mhux se tintlaħaq hekk kif il-vaċċin ma jkunx għadu approvat.
Riżultati inkoraġġanti fl-Istati Uniti
Jekk naqsmu l-oċean insibu illi fl-Istati Uniti wkoll jidher li hemm riżultati pożittivi hekk kif l-eżitu tal-provi tal-vaċċin mRNA-1273 mill-kumpanija Moderna/AstraZeneca urew illi din saħħet is-sistema immunitarja b'modi li tista' tkun protettiva.
Naturalment hemm effetti għalkemm skont rapport tar-riżultati fl-ewwel stadju kienu biss erba' minn 45 persuna li għamlu t-test li kellhom effetti negattivi fuq saħħet il-persuna - dawn qed nirreferu għal uġigħ fejn saret l-injezzjoni u riħ.
Moderna qalet illi l-parteċipanti kollha kellhom reazzjoni immunitarja għal dan il-vaċċin. Moderna qalet illi l-provi juru li l-parteċipanti li rċevew il-vaċċin ipproduċew antibodies newtralizzanti li nstabu f'ħafna mill-pazjenti li fiequ mill-virus. Kien hemm bżonn it-tieni injezzjoni biex ikun hemm rispojn nimmunitarju drammatiku.
B'differenza mill-vaċċin fir-Renju Unit dak ta' Moderna ma ġiex ittestjat fuq l-annimali qabel ma bdew testijiet fuq il-bnedmin.
Issa se tkun qegħda tibda t-tielet fażi ta' dan il-proċess li jitratta din il-kumpanija u li fih 30,000 persuna se jkunu parti mill-ittestjar. Dawn se jirċievu żewġ injezzjonijiet 28 jum 'il bogħod minn xulxin. Saħansitra minn issa Moderna diġa' qalet illi se tkun qed titlob il-prezz ta' bejn $32 u $37 għal ordnijiet żgħar ta' dan il-vaċċin.
U anke miċ-Ċina hemm aħbarijiet sbieħ!
L-ironija trid li xi ftit ta' aħbarijiet tajbin ġejjin miċ-Ċina wkoll - il-pajjiż li kien l-epiċentru tal-virus li imbagħad infirex mad-dinja kollha mis-suq Ċiniż ta' Wuhan.
Il-kumpanija privata Sinovac Biotech qed tittestja l-vaċċin bl-isem CoronaVac u f'Ġunju ħabbret Fażi I/II tal-provi fuq 743 parteċipant li ma nstabu bl-ebda effetti severi wara li ħadu dan il-vaċċin. Hawnhekk ukoll u f'dan il-każ it-tielet fażi se tkun fil-Brażil - wieħed mill-aktar pajjiżi li fihom hemm każi ta' Covid-19 - flimkien mal-Istitut Butantan, kumpanija li tipproduċi vaċċin.
F'dan il-każ se jsiru testijiet fuq 8,870 persuna.
Intant miċ-Ċina wkoll l-Istitut Bijoloġiku ta' Wuhan u Sinopharm jinsabu wkoll fit-tielet fazi tal-provi fl-Emirati Għarab Magħquda bi 15,000 parteċipant mistenni jkun involut. Iċ-Chairperson ta' Sinopharm kien irrapportat jgħid illi l-vaċċin jista' jkun lest għall-użu sal-aħħar tas-sena. Dan filwaqt li nbnew faċilitajiet għall-produzzjoni tal-massa għal dan il-vaċċin.