Xaharejn wara li tilfu kollox fin-nirien Charmaine terġa' titlob għall-għajnuna
Xaharejn wara li tilfet id-dar u ħames klieb maqbudin fin-nirien - Charmaine Agius terġa titlob għall-għajnuna hekk kif spiċċat bil-familja tgħix għand in-nies u mifruda minn uliedha li jkollhom jgħixu għand il-qraba u l-ħbieb ...
minn Albert Gauci Cunningham
Mara qed tgħix f'limbu, bla saqaf fuq rasha, torqod għand in-nies u l-erba' uliedha jorqdu f'postijiet oħrajn daqqa għand ħbieb u drabi oħra għand il-qraba. Charmaine Agius rat ħajjitha, il-memorja tagħha, prattikament dak kollha li kellha, inkluż ħames klieb għeżież daqs uliedha jogħ sfru fin-nirien li belgħulha lil darha xaharejn ilu - minn mindu flimkien ma' uliedha kellha tgħix f'dar ħaddieħor b'uliedha mifrudin minn magħha taħt soqfa differenti.
Agħar minn hekk xaharejn wara Charmaine għadha eżatt fejn kienet xaharejn ilu - bil-kumpanija tal-assigurazzjoni tgħidilha li m'għandhiex bżonn tbiddel is-soqfa meta l-perit tal-familja qed jgħidilhom jagħmlu dan l-awtoritajiet - sakemm kien qed jinkiteb dan l-artiklu - ma laqgħux l-appelli tagħha biex għallinqas joffrulha saqaf tempornju fuq rasha, ras uliedha u s-sieħeb tagħha.
"Aħna xejn m'għad fadlilna. Ibni b'li kien baqa'. Xejn iktar u xejn inqas," sostniet imbikkma. Apparti li tilfu kollox, il-mewt fin-nar ta' ħames klieb tagħha kienet u għadha weġġa' kbira wisq.
X'ġaralha eżatt l-familja ta' Charmaine?
Charmaine tieħu lil din il-gazzetta lura għal dik il-ġurnata misħuta li fiha tilfu kollox.
"Qomt, kienu s-sitta neqsin kwart u tlajt ħdejn binti biex nara hux xogħol u nieħu l-klieb minn ħdejha. Poġġejthom fejn joqgħodu s-soltu - mifrudin għax ġieli jagħmlu għal xulxin u nżilt. F'daqqa waħda jinżel jgħajjat it-tifel 'mà, mà. Qed jaqbad kullimkien fil-kamra," tirrakkonta Charmaine mal-ILLUM. Minn hemmhekk bdiet ġirja kontra l-ħin biex issalva lil uliedha, is-sieħeb tagħha u lill-klieb li kienet tant tgħożż.
"Tlajt fuq u mort biex insalva lill-klieb. Imma kien kollu ta' xejn. Għaliex sakemm tlajt fil-kamra u dħalt, in-nar kien diġa beda jieħu sew u f'daqqa waħda dar għalija, fuq spallejja u anke xagħari. Bdejt nisma' lin-nies minn barra jgħajjtu - aqbeż, aqbeż 'il barra."
Tispjega mal-ILLUM kif qabżet għand ta' ħdejha imma fil-ġenn ta' dak il-ħin lanqas biss kienet taf x'inhi tagħmel.
"Niftakar li wara xi nofs siegħa ngħajjat u nibki kienu waslu l-vetturi tat-tifi tan-nar u bdew jitfgħu l-ilma, ħafna ilma biex jitfu. Damu għaddejjin ... "
Hi tgħid kif kollox inqered kemm bin-nar, imma fejn ma nħaraqx bl-ammonti kbar ta' ilma li ntefgħu.
Telqu u reġgħu ġew lura fejn kien hemm id-dar - fil-Ħamrun - hekk kif ftit wara n-nirien reġgħu ħadu.
"Ġew darbtejn għax in-nar reġa' ħa - ara kemm kien gravi. Problema bil-wires qalulna, short circuit."
Charmaine Agius tispjega kif hi u s-sieħeb tagħha flimkien ma' binha jew bintha - daqsilkieku bi skeda għax fejn qegħdin ma jistgħux iraqqdu erbat itfal - qed jgħixu ma' oħt is-sieħeb tagħha, jiġifieri ħamsa minn nies taħt l-istess saqaf f'dar ta' daqs normali.
Tispjega kif l-aħħar xaharejn kienu mumenti iebsa ħafna għaliha, għas-sieħeb tagħha u għal uliedha bil-ħajja tagħhom tisfratta.
"Għadu jidwi ġo moħħi l-biki tal-klieb jiena u nipprova nsalvahom. Kiefra wisq!" tgħid Agius issa emozzjonata ħafna.
Mhux biss Charmaine imma l-familja kollha tagħha dejjem kellha l-klieb fiċ-ċentru tagħha flimkien mat-tfal u kif trabbiet mal-klieb - l-akbar ħabib tal-bniedem jgħidu - hekk l-istess rabbiet lil uliedha.
Għajnuna - imma mhux mill-assigurazzjoni u l-awtoritajiet
Għaddew xaharejn u Charmaine u l-familja tagħha għadhom fil-limbu. "L-ewwel tawna l-impressjoni li s-saqaf se jsir u issa l-kumpanija tal-assigurazzjoni qaltilna li m'għandniex għalfejn - dan meta l-perit li ġibna aħna qalilna li hemm bżonn jinbidlu s-soqfa."
Saħqet emozzjonata li marret ma' uliedha tipprova tnaddaf kemm tista' minn dak li kien għadu fadal imma apparti għajnuna minn xi nies b'xirjiet jew wegħdi ta' xogħolijiet mingħajr ħlas - fosthom ta' madum - sa issa la sar xogħol fuq il-propjretà u lanqas sar pass biex forsi jsibu post fejn jgħixu.
Agius appellat għall-għajununa u biex tkun tista' jkollha mqar post fejn tgħix sakemm terġa tiġi rranġata d-dar tagħha. "Tlabna lil tal-assigurazzjoni imma għalxejn. U ma smajt xejn minn tal-housing lanqas."
Ma setgħux la s-sitwazzjoni hi kif inhi tipprova tikri?
Charmaine qalet illi huwa diffiċli tikri post bil-prezzijiet tal-lum u speċjalment bil-fatt li għad fadlilha tlett klieb ħajjin. "Biex idaħħluna u b'erbat itfal ma stajna nsibu mkien b'inqas b'€1,000. Mela aħna nifilħu nħallsu daqstant flus bl-impjiegi tagħna u erbat itfal?" staqsiet mill-ġdid imbikkma.
"Nixtiequ li xi ħadd jgħinna naqra u jisma' l-appelli tagħna. Kien hemm min kien lest jagħmlilna l-madum b'xejn imma sakemm ikun deterimat x'se jiġri b'darna nibqgħu hekk, ngħixu hekk! Mhux li kien xi ħadd jagħtina naqra għajnuna."