‘Ma rridx nerġa’ niżbalja ... issa rrid ingawdi lit-tfal u lin-neputijiet’
Kien ilu 16-il sena l-ħabs u bħalissa qed jagħmel programm mal-Fondazzjoni RISe qabel ikun għal kollox raġel liberu u jkomli b’ħajtu. L-ILLUM iżżur lil dan ir-raġel u tnejn oħra hekk kif bħalissa qed jagħmlu xogħol fil-komunità
minn Yendrick Cioffi
“Dak li titlef fil-ħajja mhux se ġġibu lura. Il-ħajja hija qasira. Ma rridx li nerġa’ niżbalja. Tlift wisq. Issa rrid ingawdi lit-tfal u lin-neputijiet.” Dan kien kliem raġel ta’ madwar 50 sena li wara 16-il sena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni RISe, qed iħejji lilu nnifsu biex fi żmien ftit xhur ikun totalment liberu u jkun jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu.
Il-gazzetta ILLUM żaret iċ-ċentru taż-żgħażagħ tal-Patrijiet Franġiskani fil-Ħamrun, fejn tlett irġiel qed jagħmlu xogħol fil-komunità bħala parti mill-programm ta’ rijabilitazzjoni u rintegrazzjoni li qed toffrilhom il-Fondazzjoni.
Poġġejna bilqiegħda ma’ wieħed minn dawn l-irġiel li kien ilu 16-il sena l-ħabs. Wieħed jippretendi li dawn il-persuni jkunu qed jgħoddu l-ġranet biex ifittxu jiksbu lura l-libertà u jkomplu b’ħajjithom. Iżda dan ir-raġel fetħilna għajnejna għal perspettiva oħra:
“Jiena stajt ħallast il-multa u ħriġt. Imma anke jekk għaddew 16-il sena ma ħassejtx li kont lest. RISe għandu ħafna x’joffrili. F’16-il sena l-ħajja nbidlet, il-kultura nbidlet. Għadni mhux lest noħroġ,” qal dan ir-raġel.
Fil-fatt, kellu kliem ta’ tifħir ħafna għall-professjonisti u dawk li jmexxu l-programm. Iddeskrivih bħala “l-akbar opportunità” li qatt kellu u jinsab determinat li jieħu dak kollu li jista’ minnu.
“Iebsa ħafna li wara 16-il sena fil-ħabs, meta għandek rutina u dejjem tagħmel l-istess affarijiet, toħroġ u tkompli bil-ħajja tiegħek qisu xejn mhu xejn,” spjega. “Ikollok ħafna stress għax taf li se terġa’ taħbat mal-ħajja.”
Fil-fatt, spjegalna kif permezz tal-programm, qed jikseb lura l-ħiliet mhux biss tal-idejn, imma anke ħiliet personali li fi kliemu huma importanti ħafna biex issa jkun kapaċi jiffaċja l-ħajja mill-ġdid.
“L-ewwel fażi tal-programm hija importanti ħafna. Għenitni niġbor ħafna motivazzjoni,” insista.
Fil-fatt, bħalissa, hu flimkien ma’ żewġt irġiel oħra qed jagħmlu dan ix-xogħol fil-komunità. Fi ħmistax taw dehra ġdida u mill-isbaħ liċ-ċentru taż-żgħażagħ tal-Patrijiet Franġiskani.
Issa malli jintemmu dawn il-ħmistax, se jkunu qed jirritornaw lura għad-dinja tax-xogħol, fejn anke jekk għax-xhur li ġejjin jibqgħu jgħixu fir-residenza tal-Fondazzjoni, li tinsab il-Belt Valletta, kuljum jibdew joħorġu, imorru jaħdmu u jaqilgħu l-paga.
“Kollox jiddependi kemm tkun leali. Għandek biex taħdem. Jgħinuna ħafna. Jolqtluk fil-laħam il-ħaj. Jekk ma tkunx leali magħhom, mhux bihom tkun qed tidħak imma bik innifsek,” kompla jisħaq.
Impressjonatna l-motivazzjoni li għandu dan ir-raġel. Għażel li ma jiġrix imma jimxi pass pass biex ikun kapaċi jiffaċċja l-ħajja. Fil-fatt meta mistoqsi jekk jibżax li jkun hemm min ma jilqgħux, weġibna hekk:
“Mhux vera li s-soċjetà lili ma tħobbnix. Trid tkun int li taħdem għal dak li tlift. Trid tkun int li tibni fiduċja. Mort fejn mort f’dawn l-aħħar xhur, kulħadd irrispettani,” insista.
Għal darba darbtejn insista li min ħolom bil-Fondazzjoni RISe għamel suċċess kbir.
“Meta jiena dħalt il-ħabs, tfajt lill-familja kollha fil-ħabs miegħi. Ma rajtx lill-uliedi jikbru. Lil Alla nirringrazzjah għax b’kull labra li daħħalt f’idi jiena ssuggrajt! Il-ħajja hija sabiħa! Irrid naħdem biex nikseb lura dak li tlift,” temm jgħidilna.
‘Il-programm tagħna huwa magħġun fuq il-fiduċja’
Matthew Degiorgio, l-amministratur tal-edukazzjoni u l-impjieg fi ħdan RISe kompla fuq dak li qalilna r-resident u saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-programm tal-Fondazzjoni huwa magħġun fuq il-fiduċja li hija essenzjali biex wieħed jikseb il-motivazzjoni u l-ħiliet kollha li għandu bżonn biex ikun jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu.
Degiorgio spjega kif sena qabel ikunu skontaw is-sentenza, priġunieri jistgħu jitolbu għal prison leave biex jagħmlu l-programm tal-Fondazzjoni RISe. Ovvjament ikun hemm skrutinju fuq min ikun għamel it-talba qabel ma jmur fir-residenza tal-Belt.
Il-programm huwa mfassal fuq sena u jinqasam fuq fażijiet li huma bbażati fuq ir-rijabilitazzjoni u r-rintergazzjoni tal-priġunieri.
Fl-ewwel fażi, spjega Degiorgio, isir assessjar ta’ kull persuna biex ikunu magħrufa r-riskji u anke l-bżonnijiet differenti tagħhom. Matul dawn l-ewwel xhur, ir-residenti jsegwu programm edukattiv u anke terapewtiku biex mhux biss jiksbu ħiliet tal-id imma anke jsaħħu l-personalità tagħhom.
Fil-fatt matul dawn l-ewwel erba’ xhur, ir-residenti jsegwu korsijiet bħal tal-ewwel għajnuna, tal-kompjuter, l-immaniġjar tal-ikel, etċ, fost oħrajn.
Hawn il-Fondazzjoni taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet oħra, fosthom is-Sedqa u anke Jobsplus.
Fl-aħħar ġimgħatejn ta’ dawn l-erba’ xhur, il-programm jiffoka iżjed fuq ir-rintegrazzjoni, fejn ir-residenti jagħmlu xogħol fil-komunità. Residenti differenti għamlu xogħlijiet ma’ għaqdiet differenti, bħal NGOs tal-annimali u saħansitra anke ma’ Kunsilli Lokali.
Wara dawn il-ħmistax, ir-residenti jgħaddu għall-fażi oħra tal-programm fejn gradwalment jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
“Għaddew madwar 50 persuna minn taħtna. Tgħallimna li biex persuna tgħaddi minn fażi għall-oħra b’suċċess, li tibni fiduċja fiha nnifisha u f’dawk ta’ madwarha huwa essenzjali,” spjega Degiorgio.
‘Fil-ħabs ma jistgħux jiġu indirizzati biżżejjed il-bżonnijiet tal-persuna ... aħna nemmnu fl-attenzjoni individwali’
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Dun Franco Fenech li għal 13-il sena kien Kappillan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u huwa wkoll wieħed mill-fundaturi tal-Fondazzjoni RISe.
Dun Franco spjega kif għall-priġunieri, l-aktar żmien diffiċli jkun il-bidu u anke t-tmiem taż-żmien tagħhom fill-ħabs.
“Jaf xi problemi ħalla barra u issa jaf x’se jiffaċja meta se joħroġ,” insista Dun Franco. Fil-fatt saħaq li bħalma r-resident li tkellem magħna, flok għażel li jħallas il-multa biex joħroġ mar jagħmel il-programm tar-RISe, hemm oħrajn li anke jekk ma jagħmlux il-programm, xorta ma jħallsux il-multa u jagħżlu li jibqgħu l-ħabs sal-aħħar minuta.
Propju għalhekk li Dun Franco saħaq li kien hemm bżonn programm li jindirizza dawn l-isfidi li jiffaċċjaw ir-residenti.
“Fil-ħabs mhux qed jiġu indirizzati biżżejjed il-problemi tal-persuna. Mhux qed nikkritika lill-ħabs għax dan diffiċli jsir. Hemm ħafna nies, nazzjonalitajiet differenti u taħliet bejn qed jiskonta sentenza u oħrajn li qed jistennew is-sentenza,” spjega Dun Franco. “Aħna nemmnu fi djar żgħar fejn il-persuna tkun tista’ tingħata attenzjoni individwali.”
Propju għalhekk li fil-programm tar-RISe qatt ma jkun hemm aktar minn 14-il persuna.
‘Ngħinhom jintegraw mill-ġdid mal-familja ... hemm missirijiet li qatt ma għexu ma uliedhom’
Fil-fatt, insista Dun Franco, minn din l-attenzjoni individwali dejjem jiskopru xi ħaġa li hija ġdida.
Spjega kif mill-esperjenza, il-Fondazzjoni tagħlmet ukoll taħdem biex tintegra lil dawn ir-residenti mal-familja tagħhom. Qal li ġieli kellhom każi fejn missirijiet qatt ma għexu ma’ uliedhom, jew għax twieldu meta huma kienu l-ħabs jew inkella għax daħlu meta kienu għadhom żgħar ħafna.
“Iltqajna ma’ każi fejn għat-tfal, il-missier huwa stranġier għax ma jafuhx. Il-mara jaf ukoll tkun drat waħedha u issa trid taddatta mill-ġdid il-ħajja tagħha għax se jkollha r-raġel id-dar,” spjega.
Għalhekk il-Fondazzjoni tmur lilhinn mill-ħidma tagħha mal-persuna kkonċernata.
‘Għall-ewwel darba iben kellu l-missieru u seta’ jdawru mal-iskola’
Spjega kif pereżempju, ftit ftit, jaraw li l-missirijiet jibda jkollhom rwol fit-trobbija tal-ulied, bħal perempju jgħinuhom biex jattendu magħhom għall-parent’s day.
Semma esperjenza partikolari ta’ iben li għall-ewwel darba kellu lil missieru l-iskola.
“Għall-ewwel darba dan kellu missier. Beda jdawru mal-iskola kollha. Lill-missier tajnih xi ħaġa tal-flus. Ta lill-ibnu xi ħaġa żgħira minnhom u bihom xtara flixkun luminata mill-magna. Kienet l-ewwel darba li xtara mill-magna. Xi ħaġa żgħira tellgħetu l-ġenna,” insista Dun Franco.
‘Ġieli noħorġu magħhom il-Belt u jkollhom ġenn biex neħduhom lura ... il-bniedem sensorjament imut’
Dun Franco kompla jispjega (anke kif qalilna r-resident), dwar kemm persuna mhux dejjem tkun lesta biex toħroġ mill-ewwel fis-soċjetà u dan anke minħabba affarijiet li lanqas biss jgħaddulek minn moħħok għax għalina huma normali.
“Il-ħabs qed jaraw dejjem l-istess kuluri. Dejjem l-istess ħitan. Ixommu l-istess riħa. Jikkomunikaw mal-istess nies. Il-bniedem jitlef l-esperjenza senswali tiegħu,” saħaq Dun Franco. “Ġieli kellna residenti tar-RISe li ħriġnihom il-Belt jieħdu kafe u jkollhom ġenn biex indaħluhom lura għax l-istorbju jew id-dawl tal-vettrini tal-ħwienet idejjaqhom.”
Semma esperjenza oħra ta’ residenti li, wara snin, kien se joħroġ għall-ewwel darba mal-familja tiegħu għall-ftit ħin il-Belt.
“Talabna biex imur jixtri ftit ħelu għat-tifla. Ħallejnih iżda wara rrealizzajna li bintu llum għandha 17-il sena. Kif ġie staqsjenih u spjegajnilu. Meta daħal il-ħabs bintu kienet għadha żgħira u baqa’ b’dik il-mentalità,” saħaq Dun Franco. “Dejjem nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi.
Iriduhom ikunu indipendenti ... nibqgħu nsegwuhom
Kien hawn li Dun Franco spjega li l-missjoni tal-Fondazzjoni hija li dawn il-persuni, meta joħorġu jkunu indipendenti, ikollhom xogħol fiss u mhux joħorġu u jkunu dipendenti fuq il-benefiċċji jew l-akkomodazzjoni soċjali.
“Nieħdu gost meta fil-Milied nistednuhom biex niltaqgħu u nisimgħuhom jitkellmu fuq kif qed ilaħħqu mal-ħajja u l-ispejjeż,” insista Dun Franco.
Fil-fatt, il-Fondazzjoni għandha wkoll servizz ta’ after-care li huwa obbligatorju għal dawk li joħorġu iżda jkunu fuq parole, iżda mhuwiex għal dawk li jkunu skontaw is-sentenza kollha u temmew il-programm.
“Xorta jibqgħu jiġu jittawlulna. Imma anke aħna. Meta jdumu ma nisimgħu mingħandhom, ġieli nċemplulhom biex immorru nieħdu kafe magħhom. L-attenzjoni individwali hija s-suċċess tar-RISe,” temm jgħid Dun Franco.