'Anke lili offrewli d-droga ... mhux fis-siegħa ta’ filgħodu imma fid-dawl tax-xemx’
Is-Sindku ta’ San Ġiljan jitkellem dwar l-importanza tal-kunċett ta’ Safe-City fiż-żona ta’ Paceville u jappella biex il-wiegħda tal-Pulizija tal-Komunità ma tkunx waħda li tibqa’ fuq l-ixkaffa. L-ILLUM titkellem ukoll mas-sindku ta’ San Pawl il-Baħar wara li l-Baġit wiegħdhom aktar preżenza tal-Pulizija fit-toroq
minn Yendrick Cioffi
Fid-diskors tal-Baġit, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li f’Paceville se jkun introdott il-kunċett ta’ Safe City, biex din iż-żona popolari f’San Ġiljan tkun imħarsa b’sistema ta’ kameras tas-CCTV. F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, is-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg insista li d-diskussjonijiet ilhom għaddejja u ddeskriva dan il-kunċett bħala investiment importanti ħafna li se joffri serħan il-moħħ mhux biss lir-residenti, imma anke lil ħafna ġenituri.
Buttigieg insista li fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali kellu diversi laqgħat fosthom mal-Kummissarju tal-Pulizija u anke mal-Prim Ministru Robert Abela dwar kif tista’ tiżdied is-sigurtà f’din il-lokalità, partikolarment fiż-żona ta’ Paceville, magħrufa bħala l-mekka tad-divertiment f’Malta.
Kien hawn li s-Sindku spjega kif f’dawn il-laqgħat, il-Kunsill elenka lista ta’ hotspots fejn għandha tkun introdotta din is-sistema, fosthom il-ġnien ta’ Spinola (viċin Portomaso), li ddeskrivih bħala bejta għall-bejgħ tad-droga.
“Kemm jiena u anke s-sindku ta’ qabli, meta għaddejna minn hemm, offrewlna d-droga. Mhux f’xi s-siegħa jew is-sagħtejn ta’ filgħodu imma f’nofsinhar,” insista Buttigieg. “Dan il-ġnien huwa ffrekwentat anke minn ħafna studenti żgħar li jiġu Malta għall-Ingliż. Dawn ikunu qishom għasafar li għadha kemm infetħitilhom il-gaġġa. Anke lil dawn irridu nipproteġu.”
Fil-fatt, is-Sindku Albert Buttigieg insista li fil-laqgħat li kellhom mal-Kummissarju u anke mal-Prim Ministru, il-Kunsill Lokali saħaq li huwa importanti ħafna li tiżdied is-sigurtà għal erba’ raġunijiet:
- għar-residenti li ħafna minnhom huma anzjani;
- għas-sidien u l-kummerċjanti li huma onesti;
- għall-ġenituri minn Malta kollha li jkunu mħassba meta uliedhom jitilgħu Paceville; u
- għat-turiżmu.
“Nafu xi sforz qed isir bħalissa biex nattiraw it-turisti lejn Malta u lejn l-istabbilimenti tagħna. Għaliex turist għandu jmur lejn Paceville u jisfa misruq jew inkella mweġġa’?”, staqsa s-Sindku.
Morna ftit aktar lura, bis-Sindku jfakkar li d-diskussjonijiet kienu ilhom għaddejja minn żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat, meta l-Baġit ta’ sentejn ilu kien wiegħed l-introduzzjoni tas-sistema ta’ Facial Recognition kemm f’Paceville u anke f’lokalitajiet oħra bħall-Marsa.
Fi kliem sempliċi, din it-teknoloġija hija aktar avvanzata mill-kameras tas-CCTV għax din mhux sempliċiment turik filmat ta’ persuni li kienu f’post partikolari f’ħin preċiż, iżda tidentifika wkoll lil dawk li jidhru fil-filmat.
Madanakollu, din is-sistema kienet ingħatat il-ġenb u dan kien ikkonfermah mal-gazzetta oħt MaltaToday Joseph Cuschieri, Direttur tal-kumpanija Safe City Malta. Dan seħħ minħabba diversi raġunijiet, fosthom il-liġijiet dwar il-privatezza, li fi kliem sempliċi, jagħmlu din it-teknoloġija illegali.
Anke jekk is-sistema li se tkun introdotta hija differenti, is-Sindku ta’ San Ġiljan deher sodisfatt biha għax apparti li sservi ta’ deterrent tista’ tgħin fl-infurzar tal-liġi.
“Dan huwa investiment tajjeb u l-Gvern se jkollu l-appoġġ kollu tagħna, insista s-Sindku.
Pulizija tal-komunità ... ‘Nittamaw li ma tibqax fuq l-ixkaffa’
Tkellimna wkoll dwar wiegħda oħra li jagħmel il-Baġit, jiġifieri dik li jkompli jifrex il-proġett tal-pulizija fil-komunità.
Skont id-diskors tal-Baġit, dan il-proġett issa se jkun introdott ukoll fil-lokalitajiet tal-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan. Sa issa, il-Pulizija tal-Komunità ġew introdotti fi tnax-il lokalità.
It-tir ta’ dan il-proġett huwa li jkun hemm Pulizija aktar viċin tar-residenti, fejn l-uffiċjali saħansitra jkollhom żoni assenjati għalihom biex hekk anke r-residenti jibnu ċertu rapport magħhom.
Albert Buttigieg insista li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ilu ħafna jitlob biex din il-lokalità jkollha dan is-servizz.
“Nittamaw li din il-miżura tkun introdotta u mhux tkun sempliċiment wiegħda fiergħa,” temm jappella s-Sindku. “Nemmnu li tista’ żżid ħafna s-sigurtà u s-serħan tal-moħħ.”
‘Issa anke r-residenti jridu jagħmlu l-parti tagħhom’ – Alfred Grima
Dwar il-wiegħda tal-Pulizija tal-Komunità, l-ILLUM tkellmet ukoll mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima, li wkoll wera s-sodisfazzjon tiegħu li anke din il-lokalità se tkun qed tgawdi minn dan is-servizz.
Insista li kull ġimgħa jkollhom diskussjonijiet, partikolarment mal-Pulizija tad-Distrett. “Jidher li dak li qed ngħidu mhux qed jaqa’ fuq widnejn torox. Id-diskussjonijiet qed iħallu l-frott,” insista.
Grima rringrazzja lill-Kummissarju tal-Pulizija, lis-Supretendent tal-Qawra (lokalità li tagħmel ma’ San Pawl il-Baħar) u anke lill-Assistent Kummissarju responsabbli mid-distrett għall-koperazzjoni tagħhom.
Kien hawn li s-Sindku għamel appell lir-residenti.
“Bħalma kollha kemm aħna konnha diżżilużi u tkellimna, nistenna li meta jkollna dan is-servizz, ir-residenti jieħdu wkoll l-opportunità u kulħadd jagħmel il-parti tiegħu,” insista s-Sindku. “Il-Kunsill Lokali żgur li se jikkopera.
‘L-infurzar f’pajjiżna fadallu x’jaqdef’
Kien hawn li s-Sindku insista li l-infurzar f’pajjiżna fadallu x’jaqdef.
“L-infurzar jonqsu. Mix-xorb fit-triq, għall-istorbju u l-akbar reat li jista’ jitwettaq,” insista s-Sindku. “Ċert li l-Pulizija tal-Komunità jistgħu jgħinu ħafna.”
Insista wkoll li fl-aħħar ġimgħat kellu diskussjonijiet mal-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun hemm aktar kommunikazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u anke l-Pulizija.
“B’din is-sistema nkunu nistgħu nifhmu aħjar l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Pulizija u fejn ma tkunx għadha ttieħdet azzjoni, nifhmu għaliex għadha ma tteħditx. Xi drabi, mhux la kemm wieħed jieħu azzjoni, imma hekk inkunu nistgħu nifhmu għaliex u jkun hemm aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat,” temm jisħaq Grima.