Il-Fondazzjoni Marigold immarkat il-Jum Dinji ta' Diżabilità billi membri tal-Fondazzjoni, fosthom Michelle Muscat, żaru Dar Żerniq fis-Siġġiewi, fejn jgħixu erba' residenti b'diżabilità intelletwali li jgħixu taħt is-superviżjoni ta' Dar tal-Providenza.
Id-dar inxtrat fl-1993 mid-Dar tal-Providenza, bil-Fondazzjoni Marigold tinvesti €55,000 f'xogħolijiet meħtieġa biex isir titjib tal-proprjetà li kienet fi stat ħażin, fosthom l-installazzjoni ta' servizzi ġodda, ta' elevator, kmamar tal-banju u twieqi ġodda kif ukoll għamara ġdida.
Muscat qalet illi proġetti bħal dawn huma "atti konkreti li juru illi dak li jintqal fuq il-karta huwa tanġibbilment attwat u qed iħalli riżultati biex titjieb il-ħajja ta' dawk l-aktar fil-bżonn. Illum m'għadniex inħarsu lejn id-diżabilitajiet imma lejn l-abbilitajiet ta' persuni li se jgħinu biex dawn jilħqu livelli ġodda f'ħajjithom."
Fr Martin Micallef faħħar lill-Fondazzjoni Marigold li fakkar illi hija waħda mill-benefatturi u kollaboraturi ewlenin ta' Dar tal-Providenza. Huwa qal li jinsab kuntent jara lir-residenti issa jibdew jgħixu f'ambjent tant sabiħ.