Titnieda assoċjazzjoni għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta' koppja Maltija

It-talba għall-kawża tal-beatifikazzjoni ta' Henry u Inez Casolani nfetħet uffiċjalment mill-Arċisqof Scicluna fl-2015

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna approva t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, bil-għan li din  tippromwovi l-kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, koppja miżżewġa li għexu ħajja Nisranija devota u eżemplari. 

Din il-koppja żżewġet f’April tal-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. 

Inez Casolani twieldet Bormla fl-1915 u kienet mħarrġa bħala għalliema. Kienet għalliema b’vokazzjoni u, għalkemm waqfet minn din il-professjoni wara ż-żwieġ, baqgħet tgħallem il-privat b’xejn lit-tfal minn familji fil-bżonn. Hija mietet fl-1992. 

Imwieled fil-Belt Valletta fl-1917, Henry Casolani kien artist kapaċi li dejjem żamm lura milli jiftaħar bit-talenti tiegħu. Matul it-Tieni Gwerra Dinija ġie ssekondat mar-Royal Army Medical Corps u wara l-gwerra kien ingaġġat bħala senior draughtsman mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Huwa miet fl-1999. 

Fi stqarrija, il-Kurja qalet li l-ispiritwalità tal-koppja Casolani kienet msejsa fuq il-quddiesa ta’ kuljum, is-sagramenti, it-talb, ir-rużarju, iż-żjarat quddiem Ġesù Sagramentat u riflessjoni ta’ kuljum fuq il-Kelma ta’ Alla. 

“L-azzjonijiet u l-kliem tagħhom ħallew marka fuq dawk kollha li ltaqgħu magħhom peress li dawn kienu jixhdu għall-imhabba li kellhom lejn Alla u lejn ħaddieħor. Wara li mietu bosta ħbieb u konoxxenzi tal-koppja taw xhieda tal-ħajja devota u qaddisa tagħhom. Il-fama ta’ qdusija tagħhom żdiedet hekk kif iktar persuni bdew jitolbu bl-interċessjoni tagħhom,” kompliet il-Kurja.

It-talba biex tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħhom ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tal-Knisja fl-2007 u nfetħet uffiċjalment mill-Arċisqof Scicluna fl-2015, wara li rċieva n-nihil obstat tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin. 

Minħabba li l-koppja kienet Terzjarja tal-Ordni ta’ Santu Wistin, il-kawża ġiet fdata f’idejn il-Postulatur Ġenerali tal-Agostinjani f’Ruma. 

Għal aktar informazzjoni dwar l-assoċjazzjoni u dwar il-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, wieħed jista’ jżur is-sit henryandinezcasolani.wordpress.com, jew jibgħat imejl fuq [email protected]

More in Socjali