L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) matul din il-ġimgħa, ordnat li l-istrutturi li nbnew illegalment fil-Għargħur, fl-inħawi ta' 'Top of the World', jiġu mwaqqa. Kmieni dalgħodu rapporti ċċirkulaw dwar it-twaqqieħ ta' dawn l-istrutturi inkluż niċċa tal-Madonna.
Min-naħa tagħha, permezz ta' stqarrija l-PA insistiet li hi talbet biss it-twaqqieħ tal-istrutturi li nbnew bla permess iżda mhux in-niċċa tal-Madonna.
Fl-istqarrija l-Awtorità qalet ukoll li huma fid-dmir li "tiżgura kontroll fuq tifrix mhux meħtieġ f'żoni verġni mhux żviluppati. Jekk l-iżvilupp jeħtieġ permess, l-Awtorità hija meħtieġa tieħu azzjoni kontra żvilupp imwettaq mingħajr permess."
Intant għal 11-il sena, Ronnie Gauci ħa ħsieb din iż-żona u bena' minn flusu u minn jeddu niċċa tal-Madonna, għadira naturali għal-ħut u żrinġijiet tal-inħawi, strutturi oħra, kif ukoll ħawwel diversi fjuri.
L-Awtorità qalet lill-anzjan li jekk x-xogħol bla permess li seħħ f'din iż-żona ma jitneħħix b'mod immedjat, hu se jkun immultat €50,000.
Numru ta' nies esprimew id-diżapunt kif ukoll id-diżgust tagħhom fuq din id-deċiżjoni speċjalment fuq paġna ta' facebook fejn oriġinarjament bdiet id-diskussjoni. F'din il-paġna bosta argumentaw li "l-Awtorità ħarġet ponn tal-ħadid maż-żgħir filwaqt li għalqet għajnejha għall-iżviluppaturi."