Destiny tifqa' sala b'leħinha u tgħaddi għall-finali tas-Sibt li ġej

L-aħħar li Malta kkwalifikat għall-finali kien fl-2019, meta kienet irrappreżentat lil Malta Michaela, bil-kanzunetta Chameleon

Ritratt: EBU / ANDRES PUTTING
Ritratt: EBU / ANDRES PUTTING

Destiny tat prestazzjoni fenomenali waqt l-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest u jidher li niżlet tajjeb immens mal-udjenza f'Rotterdam u mal-eluf kbar li segwew il-festival mid-djar tagħhom. Fil-fatt, Malta kkwalifikat għall-finali ta' nhar is-Sibt li ġej.

Minn meta ġiet introdotta s-sistema tas-semifinali fl-2004 (minħabba li żdiedu ħafna l-pajjiżi li bdew jieħdu sehem), Malta kklassifikat għall-finali seba' darbiet.

Apparti dawn is-seba' darbiet, minn dak iż-żmien, Malta kienet fil-finali darbtejn oħra (2005 u 2006), hekk kif is-sistema kienet li jekk pajjiż, fis-sena ta' qabel, jikkwalifika mal-aqwa pajjiżi fil-kompetizzjoni, kien jgħaddi minnufih għall-finali fis-sena ta' wara.

L-aħħar darba li Malta dehret fil-finali kien fl-2019, meta kienet irrappreżentat lil Malta Michaela, bil-kanzunetta Chameleon.

B'kollox illum għaddew għaxar pajjiżi oħra għall-finali tas-Sibt. Il-Ħamis isir it-tieni semifinali u jintagħżel it-tieni sett ta' għaxar pajjiżi. 

Dawn l-għoxrin pajjiż jieħdu sehem nhar is-Sibt u magħhom jingħaqdu dawk imsejħa bħala 'il-big five," jiġifieri Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit, kif ukoll l-Olanda li qed tospita l-festival.

Intant, ilbieraħ Destiny ħadet sehem ukoll f'dak li jissejjaħ 'jury final' li huwa importanti mmens hekk kif ikunu ngħataw il-voti tal-ġurija li għandhom piż ta' 50% tal-vot finali.

Ilbieraħ, ħafna kienu dawk faħħru lil Destiny, b'mod partikolari l-membri tal-midja li poġġewha bħala l-favorita tas-semifinali tal-lejla.

It-tim tal-ILLUM jawgura kull suċċess lil Destiny u lil Malta

More in Socjali