Analiżi | ‘U Iwa!’ - Meta d-Demokrazija ssir Medjokrazija

Meta l-medjokrità ssir eġemonika, iddur tliet mija u sittin grad u tiltaqa’ magħha kullimkien, f’kull rokna, xaqq u operat tal-pajjiż ċagħqa. II-Professur Carmel Borg jagħti ħarsa lejn il-medjokrità fis-sistema politika u soċjali tagħna u l-effetti tagħha..

Ma kien hemm l-ebda nar fir-Reichstag, ebda attakk fuq Bastilja jew rewwixta fuq l-Aurora. Il-medjokri ħatfu l-poter mingħajr sparatura waħda.  Kliem Alain Deneault, li fil-ktieb tiegħu ‘La Médiocratie’ jistqarr li l-imperu tal-medjokri huwa globali u mifrux f’kull sfera tal-ħajja.  

Il-kittieb Kanadiż itenni li l-medjokri ħakmu l-poter, f’ekonomija globali fejn il-ħafna jipproduċu l-ikel bilġri, ta’ kuljum, f’volumi industrijali, mingħajr ma jafu jsajru ikla bnina meta jirritornaw f’darhom. F’din id-dinja maħkuma mill-medjokri: il-prekarji fiċ-ċentri taċ-ċempil iwieġbu telefonati bi preċiżjoni ta’ pappagall professjonali; Il-bosta jipparteċipaw fil-ġabra tal-istatistika meta huma għal kollox illitterati fil-qasam tal-Matematika; il-miljuni jistennew b’ħerqa l-aħħar ritratti tal-‘influencer’ li ma baqala’ xejn naturali f’ġisimha; u l-eluf ibiegħu l-gazzetti li qatt ma jaqraw. 

Deneault isemmi litanija ta’ theddid għall-milja umana, fosthom, u b’mod partikolari, is-serq fiskali mill-korporazzjonijiet li jħufu globalment; il-vampiri monetarji li l-politikanti ċentristi tant jirsistu biex jattiraw, ifissdu u jipproteġu, anke jekk jafu li se jmentnu lil pajjiżhom.  Pudini umani, fejn jispikka fit-togħma l-ingredjent ewlieni u komuni - il-medjokrità.  

Dawk li jaħsbu li waslu meta għadhom lanqas biss bdew!

L-għerq Latin tal-kelma medjokrità jagħtina sens tat-tifsira tat-tikketta medjokri.  Fl-oriġini tal-kelma hemm l-idea tan-nofs – medius – medjan, nofs triq, nofs leħja, waqfien f’nofs tlugħ il-muntanja.  Biżżejjed frażijiet fil-miklem biex nindunaw li l-kelma medjokri hija preċiża meta tiġi biex tiddeskrivi lil dawk li jaħsbu li waslu meta għadhom lanqas biss bdew. It-talin li jaħsbu li jafu ħafna meta għerfhom huwa limitat.  Dawk li jaħsbu li jistgħu jiġru meta lanqas biss bdew jimxu, jew li  jaraw kbir meta l-viżjoni tagħhom tad-dinja hija ta’ gżira f’nofs il-baħar jew ta’ zuntier ta’ ftit metri kwadri.  Il-ġwejfa li rashom mimlija għax magħrufa u famużi f’pajjiż id-daqs ta’ skutella; dawk li jaħsbu li laħqu l-ogħla qċaċet f’art il-ħotob.  L-inkompetenti li waslu kmieni u komdi, għax imbuttati; dawk li l-akbar kwalifika li għandhom hija l-qrubija mal-poter.  Il-ġgajta li kapaċi tagħmel ħafna ħoss meta t-tank huwa vojt, u taħseb li hija perfetta meta tkun qiegħda timla l-isfreġji tal-binja personali b’ħafna tikħil u żebgħa kożmetika.  

'Sistema edukattiva li tindotrinak kontra l-ħsieb kritiku, tħarrġek mingħajr ma tedukak'

Il-medjokrità tilħaq livelli perikolużi meta ssir minn ewl id-dinja u s-sens komun ta’ kotra li ttellgħet ‘l hinn mill-valuri estetiċi u etiċi għoljin, li ssawret f’kuntest nieqes mix-xenqa għall-eżattezza, l-effiċjenza u l-korrettezza, mill-impenn totali u l-viżjoni u s-sagrifiċċju fit-tul, u mil-litteriżmu kritiku li jesiġi livelli għoljin f’dak kollu li joħloq u jagħmel il-bniedem.  

Kotra marida bis-sindromu tal-‘prosit tal-programm’, li m’għandhiex sabar tistenna, li trid ir-riżultati bilġrija, u li m’għandhiex ħin għar-riflessjoni u għall-istudju profond, għax  trid tlaħħaq mal-ħajja jew għax trid tiekol b’mitt ħalq.  Kotra li xorbot minn sistema edukattiva li tipproduċi kopji tal-karbonju biżżejjed biex tesporta; sistema edukattiva li tindotrinak kontra l-ħsieb kritiku, tħarrġek mingħajr ma tedukak, toqtollok kull aptit għar-riskju fil-ħajja, filwaqt li twissik kontra il-qtugħ minn kull spag tal-konformiżmu, u tikkundannak jekk tkun differenti. 

Il-funzjoni tal-politiku f’kuntest medjokri hija...li jagħżel b’reqqa n-nies li jiżguraw li r-rota tal-medjokrità tibqa’ ddur; nies li jbaxxu rashom għal kollox, ma jmerux, jgħidu iva, jigdmu lsienhom meta suppost qegħdin jwerżqu

Soċjalizazzjoni mifruxa fejn, kuntrarju għal dawk li jikkuntentaw bix-xejn u japprezzaw il-ħama daqs li kieku kien ilma ġieri, dawk li jesieġu, li jistennnew livelli għoljin, dejjem u kullimkien, u jipprotestaw kontra n-nuqqasijiet, iħossuhom barranin f’darhom u qaddiefa għajjenin f’baħar mimli ħalel.   

Il-medjokrità madwarna: Mid-dehra ta' bini ikrah għall-qerda tal-pajsaġġ urban u rurali

Meta il-medjokrità ssir eġemonika, iddur tliet mija u sittin grad u tiltaqa’ magħha kullimkien, f’kull rokna, xaqq u operat tal-pajjiż ċagħqa.  Kitba fqira u bla kontenut fil-gazzetti.  Xita ta’ żbalji fl-ittri u l-kuntratti li nirċievu minn uffiċċji legali, ministeri u dipartimenti tal-gvern.  Monumenti ta’ nies, bi żbalji bażiċi anatomiċi.  Bini ikrah minn periti li jew ma jirrispettawx lilhom infushom, u joqogħdu għad-dittatura tal-iżviluppatur, jew m’għandhom l-ebda ħjiel ta’ xi tfisser sbuħija.  Toroq li jkollhom jinqalgħu għax ma jsirux sew, jew għax fl-ippjanar tħalla xi xogħol barra.  Ippjanar li kiel ħafna mill-ispazji pubbliċi u qered il-pajsaġġ urban u rurali. 

Bankini li ma jħallulek ebda għażla ħlief li timxi f’nofs it-triq. Manutenzjoni fqira ta’ proġetti li swew il-miljuni. Xogħol manwali, lokali u impurtat, ta’ kwalità baxxa, minn ħaddiema li m’għandhom l-ebda kwalifika, esperjenza jew taħriġ fil-qasam tax-xogħol tagħhom.  

Atturi li donnhom joħorġu kollha mill-istess forma, bi ftit taħriġ iżda b’ħafna partijiet, fuq kull stazzjon televiżiv.  Ġurnalisti, ħafna minnhom tranżitorji, b’livell lingwistiku baxx u indipendenti daqskemm huma awtonomi l-klieb u l-qtates li nrabbu.

Sportivi, magħduda ta’ stilel lokali, li qatt ma jġibu riżultati, li komdi fl-ambjent Malti u li wħud minnhom lesti li jbiegħu lir-raħal u lil pajjiżhom; ambaxxaturi li qatt ma ħadu taħriġ, li jimbarazzaw lill-pajjiż b’dak li jiktbu, jgħidu u jagħmlu; adulti mhux kwalifikati li jitħallew jgħallmu lil uliedna; kritika ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi li aktar għandha mill-propaganda kummerċjali milli mill-analiżi kritika; opinjonisti li jiktbu u jitkellmu fuq kollox; kompetizzjonijiet finta, fejn ir-rebbieħ ikun magħruf ferm qabel ma tibda l-kompetizzjoni; tenders miktubin biex jintrebħu minn min ikun miftiehem li se jirbaħ; promozzjonijiet vvizzjati; bordijiet imdewdna bil-partitarji; ġid kbir moħbi u mhux intaxxat; għajnejn magħluqin għal-lussu fuq erba’ roti jew fuq il-baħar; industrija tal-kostruzzjoni bla skrupli u rispett għal saħħet u ħajjet il-bniedem; istituzzjonijiet li jibdew jiffunzjonaw meta jintervjeni l-barrani; liġijiet magħmula biex jinkisru; u art maħsuba biex tibqa’ verġni stuprata ta’ kuljum.  

Din il-lista hija twila u mħawra biżżejjed biex tixħet dawl fuq kemm hija mifruxa l-medjokrità, u kemm hi leġittima f’għajnejn il-poplu li jagħżel li jkompli jpespes fil-privat flok jiddiskuti din il-marda kronika fil-pubbliku.  Il-mera pubblika turina wiċċ li ma rridux naraw għax nagħrfuh mill-ewwel.  Daqshekk huwa familjari dan il-paragrafu magħna lkoll.

Il-funzjoni tal-politiku jsir li jiffaċilità l-medjokrità u jagħżel nies li jassigurawha

L-eġemonija tal-medjokrità ma tistax tipperpetwa ruħha mingħajr infrastruttura politika li tħeġġeġ, tilleġittimizza u tipproteġi l-medjokrità.  Dan il-fenomenu jsaltan fejn hemm dgħufija etika u nuqqas ta’ awtorità morali. Fejn hemm vojt morali diffiċli jkun hemm direzzjoni ċara u strutturi b’saħħithom li jiżguraw is-sewwa u l-kwalità għolja. Il-medjokrità tixxettel meta l-opportunisti predaturi, mill-ħuta ż-żgħira sal-balena, jokkupaw spazji statali u privati u jkunu lesti li jikkompromettu l-kwalità u jbaxxu l-livell tal-istennija morali. Meta dan l-atteġġjament isir in-norma, kif muri fil-paragrafu ta’ qabel, il-fenomenu jieħu bħan-nar fl-istaġun niexef u l-ġlata tnawwar il-bħajra. F’dan it-tip ta’ ambjent, l-individwu jimmaġina li hu dak li mhuwiex, jaħseb li kapaċi li jagħmel affarijiet li m’għandux il-ħiliet neċessarji biex jagħmilhom, u jagħmel talbiet li f’cirkostanzi morali b’saħħithom lanqas biss jaħsibhom.   

Il-funzjoni tal-politiku f’kuntest medjokri hija li jservi ta’ faċilitatur ta’ atti li jipperpetwaw il-medjokrità, ta’ propagandist li jmeri s-sewwa magħruf, ta’ aljenant li jżomm il-ġgajta ferrieħa, u ta’ passatur li jagħżel b’reqqa n-nies li jiżguraw li r-rota tal-medjokrità tibqa’ ddur; nies li jbaxxu rashom għal kollox, ma jmerux, jgħidu iva, jigdmu lsienhom meta suppost qegħdin jwerżqu, lesti jidħlu fin-nar u jieħdu d-daqqa flok il-politiku…dawk li jafu u jridu jilagħbu l-logħba.  

Il-politiku medjokri jaħdem fl-immedjat, l-issa taċ-ċentriżmu estrem li jħalli lil poplu għarwien jaħseb li l-politika hija maħżen ta’ għotjiet u servizzi, u li t-tiġrija politika hija bejn min għandu l-ħila li jmexxi l-maħżen bl-akbar effiċjenza

Filwaqt li l-eġemonija tal-medjokrità għandha infrastruttura b’saħħitha li tipperpetwa l-kunsens popolari, l-element vjolenti, il-faċċata l-oħra tal-eġemonija, ma jonqosx.  It-theddid tat-tkeċċija għal min jitkellem, il-kontroll assolut fuq x’jingħad fil-pubbliku, it-tgħajjir fis-siti soċjali, il-bojkott soċjali, l-iżolament professjonali, l-injorar tal-pariri infurmati, u l-qtil, kollha għandhom l-għan li jagħlqu l-ħluq li jistgħu jikxfu jew jigdmu.   F’soċjetà medjokri, is-silenzju u l-konformiżmu huma mistennija, u għajb għal min ma joqgħodx għal din l-istennija.  

Filwaqt li l-politiku huwa omnipreżenti u jagħtik l-impressjoni li huwa ħaj u attiv, Il-medjokrità waslet għall-mewt tal-politika.  Flok viżjoni fit-tul, mibnija fuq prinċipji u ideoloġija, il-politiku medjokri jaħdem fl-immedjat, l-issa taċ-ċentriżmu estrem li jħalli lil poplu għarwien jaħseb li l-politika hija maħżen ta’ għotjiet u servizzi, u li t-tiġrija politika hija bejn min għandu l-ħila li jmexxi l-maħżen bl-akbar effiċjenza.  Politika li daħlet sew fil-loġika tas-suq.  Sadattant, id-demokrazija tassew saret medjokrazija. 

More in Socjali