Ftehim biex tiġi rrestawrata Dar Sant’Anna

Din se tibda’ tintuża biex tilqa’ tfal minn ambjent diffiċli

L-arċidjoċesi ta’ Malta u Care Malta ffirmaw ftehim biex Dar Sant’Anna fl-Isla tiġi rrestawrata biex ‘il quddiem tibda tilqa’ tfal minn ambjent diffiċli li jkollhom bżonn protezzjoni u wens. Dan il-proġett soċjali ġie identifikat mill-parroċċa tal-Isla u se jitmexxa minn Care Malta. Sa ftit snin ilu, din id-dar kienet tilqa’ lill-anzjani.

Il-ftehim ġie ffirmat Michael Pace Ross, mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Nazzareno Vassallo u Natalie Briffa Farrugia, f’isem Care Malta.

F’isem l-Arċisqof, Charles Scicluna, Michael Pace Ross, qal li din hija inizjattiva oħra fejn il-Knisja qed tuża l-proprjetà tagħha għal għan soċjali. Irringrazzja lil Care Malta ta’ dan l-impenn li daħlet għalih u li permezz tiegħu se jibbenefikaw persuni vulnerabbli li huma qrib ħafna l-qal tal-Knisja.

Dar Sant’Anna tmur lura sas-sena 1794, meta Nicolò Dingli u marta Madalena Cornelio ħallew b’testment id-dar tagħhom fix-Xatt tal-Isla,  li kellha oratorju biex tinbidel fi sptar għal nisa anzjani, foqra u b’diżabiltà. Eventwalment, din saret magħrufa bħal ‘Ospazio Sant’Anna’. Fl-1817, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Malta, il-kanoku Dun Xmun Biagio, bierek l-ospizju u setnejn wara d-dar laqgħet l-ewwel residenti tagħha.

Fl-1898, is-Sorijiet Terzjajri Franġiskani bdew jagħtu s-servizz tagħhom f’din id-dar, li dam għaddej għal aktar minn 80 sena. Fil-bidu tas-snin tmenin id-dar twaqqgħet biex inbnied id-dar li hemm illum u li ġiet inawgurata mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit-30 ta’ Ġunju 1987. Dar Sant’Anna waqfet tintuża bħala dar għall-anzjani fl-2019.  

 

 

 

 

More in Socjali