Fl-2020 u l-2021, it-tniġġis fl-arja qatel aktar nies mill-Covid-19
Madwar 250 persuna jiġifieri, 6.5% tat-3,800 mewt fis-sena, jmutu bit-tniġġis tal-arja
minn Anthea Cachia
F’kejl ta’ kwalità tal-arja, fi nħawi li jaraw attività marittima kontinwa f’pajjiżna, juri konċentrazzjonijiet li jlaħħqu sa’ 100-200 darba ogħla mill-livelli tal-arja meta mqabbla ma postijiet mhux esposti għal sorsi ta’ tniġġis.
Dan il-kejl, li ġie meħud fl-aħħar ġimgjat, ittieħed fil-Belt Valletta u l-Isla. Dan wera konċentrazzjoni għolja ta’ partiċelli fini ħafna fl-arja fil-ħinijiet meta fil-Port il-Kbir ikun hemm il-vapuri. Dawn jinkludi cruise-liners u vapuri iżgħar.
Kejl ieħor riċenti fl-Italja juri livelli għolja ta’ tniġġis anke fil-każ ta’ bastimenti li joffru servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri. Partiċelli bħal dawn, li jidħlu fl-aktar partijiet sensittivi tal-pulmun u jispiċċaw f-didem, huma magħrufa għar-riskju kbir fuq is-saħħa tal-bniedem għax iwasslu għal mard serju tal-qalb u tal-pulmun.
Kare Press-Kristensen, ix-xjenzat Daniż li żar Malta biex jieħu l-kejl tat-tniġġis u konsulent ta’ Green Transition Denmark, spjega li minkejja dan kollu, fil-gżejjer Maltin għandna arja nadifa. Madankollu jgħid li l-vapuri żgħar iniġġsu l-inħawi li jkunu fihom filwaqt li bastimenti kbar li jżuru l-gżejjer Maltin kapaċi jniġġsu bliet sħaħ.
Huwa spjega kif madwar 250 persuna jiġifieri, 6.5% tat-3,800 mewt fis-sena, jmutu bit-tniġġis tal-arja. Jgħid ukoll li fl-2020 u fl-2021, it-tniġġis tal-arja qatel aktar nies fil-gżejjer Maltin milli qatlet l-Covid-19. Dan għaliex, it-tniġġis tal-arja kkawża 500 imwiet u l-Covid-19 460 imwiet.
L-effetti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem jinkludu mard kardjovaskulari bħal attakki ta’ puplesija u mard tal-qalb, flimkien ma’ mard tan-nifs u l-kanċer li huma l-kawżi prinċipali tal-imwiet f’Malta.
Meta tkellem dwar is-soluzzjonijiet, huwa elenka l-benefiċċji ta’ Emission Control Areas (ECA) eżistenti fl-Ewropa bħalma hija l-ECA tat-Tramuntana tal- Ewropa li tinkludi l-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana.
Bis-saħħa ta’ kontrolli aktar stretti, stabbiliti f’dawn iz-zoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri, kien reġistrat tnaqqis qawwi fil-kubrit fuq l-art (tnaqqis ta’ 50% fl-2015). Dan filwaqt li s-soċjetà bbenefikat b’mod sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u mal-ekonomija. U dan mingħajr l-ebda żidiet notevoli fil-prezzijiet għall-konsumaturi jew spejjeż addizzjonali għas-sidien tal-vapuri u l-awtoritajiet.
Filwaqt li semma wkoll l-użu ta’ bastimenti elettriċi għat-trasport tal- passiġġieri bħala soluzzjoni b’potenzjal kbir għal Malta, huwa spjega kif alternattiva importanti oħra tkun l-provvista tal-elettriku minn fuq l-art waqt li l-vapuri jkunu marbutin mal-moll, soluzzjoni li wkoll taf ittejjeb b’mod sinifikanti s-saħħa pubblika f’Malta.
Fl-2020, Infrastructure Malta nediet il-Grand Harbour Clean Air Project, proġett b’investiment ta’ €50 miljun li għandu l-iskop li jnaqqas b’90% t-tniġġis tal-arja li jipproduċu l-cruise liners u l-vapuri Ro-Ro meta jżuru l-Port il-Kbir. Dawn il-faċilitajiet jippermettu li l-vapuri jitqabbdu mal-grid tal-enerġija lokali biex jiġu pprovduti bl-elettriku mill-art meta jkunu fil-port, u b’hekk jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew l-HFO.
Stimi juru li din it-tip ta’ soluzzjoni tista’ tkun waħda vijabbli wkoll għall- operaturi, bl-ispiża żejda li dan iġib miegħu ras għal ras, u f’kull port, tkun waħda negliġibbli.
Eżempju li ppreżenta Press-Kristensen waqt il-konferenza stampa juri kif waqt li cruise liner juża madwar 30 kWh ta’ enerġija għal kull passiġġier u normalment jipproduċi l-enerġija għall-prezz ta’ €0.18/kWh, kieku l-elettriku mill-port kellu jinbiegħ għal €0.23/kWh (€0.05 aktar), l-ispiża żejda għal kull passiġġer f’kull port tkun tammonta biss għal €1.50 jew 1% (30 kWh x €0.05 kull kWh) li huwa inqas mill-prezz ta’ kafè f’wieħed mill-portijiet li jżur il-cruise. Li kieku kellek tifrex din iż-żieda fuq cruise tipiku ta’ sebat ijiem li jżur erba’ portijiet differenti, iż-żieda tkun ta’ €6. (€670 bl-enerġija mhux mixtrija mill-moll vs €676 bl-enerġija mill-moll).