142% żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika fi 11-il sena
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-każi ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna fl-aħħar deċennju u tistaqsi; wara każi rekord kull sena, fl-2022 se jkollna rekord ġdid ta’ vjolenza domestika?
minn Anthea Cachia
Frar qiegħed magħna wkoll, ix-xahar tal-imħabba, tal-bukketti tal-fjuri, taċ-ċikkulatini u fuq kollox tal-maħbubin. Iżda mhux kollox ward u żahar u l-vjolenza domestika għadha prevalenti fil-gżejjer Maltin tant li fl-aħħar 11-il sena pajjiżna ra żieda sostanzjali fil-każi irrappurtati, b’mod partikolari fejn jidħol l-abbuż psikoloġiku.
Tant hu hekk li statistika mogħtija lil din il-gazzetta mill-Korp tal-Pulizija u oħra pubblika f’diversi tweġibiet għal mistoqsijiet Parlamentari, jirriżulta li bejn l-2010 u l-2021 kien hemm żieda ta’ 142.4% fil-każi ta’ vjolenza domestika rrapportati.
Il-gazzetta ILLUM marret lura għall-2010 u rat il-każi kollha ta’ vjolenza domestika, x’tip ta’ vjolenza domestika hija l-aktar komuni f’Malta u jekk kienx hemm tibdiliet fin-numri minn dakinhar sa’ issa.
Lura għall-2019, id-Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, li dak iż-żmien kien Michael Farrugia, kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika irrappurtati lill-Pulizija fuq nisa, irġiel, tfal u anzjani bejn l-2010 u l-2018.
Mil-lista ta’ numri li poġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-Ministru Farrugia, huwa evidenti li l-aktar tip ta’ vjolenza domestika komuni hija l-abbuż psikoloġiku li f’perjodu ta’ tmien snin żdied kull sena.
Intant, it-tieni tip ta’ vjolenza domestika l-aktar komuni kienet dik li kkawżat ġrieħi fiżiċi sostanzjali. Eżempju ta’ dan huwa meta l-agressur jipprova jifga’ lill-vittma, permezz ta’ jdejh jew jagħti daqqa ta’ ponn. F’dawn it-tmien snin, il-medja ta’ dawn it-tip ta’ każi kienet ta’ 598 każ kull sena.
Fejn jidħol l-abbuż psikoloġiku, filwaqt li fl-2010 kien irrappurtat 189 każ, fl-2018 ġie rrappurtat 664 każ. B’kollox iż-żieda medja kull sena ta’ din it-tip ta’ vjolenza domestika kienet ta’ 59 rapport.
Minn naħa l-oħra, l-inqas tipi ta’ vjolenza domestika komuni huma l-vjolenza permezz ta’ armi bħal xi pistola kif ukoll vjolenza permezz ta’ oġġetti li normalment l-iskop tagħhom ma tkunx ta’ arma. Eżempju ta’ dan huma oġġetti ordinarji li wieħed isib id-dar.
Intant fejn jidħol l-istalking, in-numru ta’ każi matul is-snin tela’ u niżel u l-medja ta’ każi kienet ta’ 27 kull sena. L-ogħla numru ta’ rapporti ta’ stalking kien ta’ 37 fl-2016 u l-inqas rapporti li saru kien fl-2018 bi 18-il każ.
Kull sena l-aktar grupp li sofrew minn vjolenza domestika kienu n-nisa tal-etajiet bejn it-18 u d-59 sena. Meta wieħed iqabbel in-numru ta’ każi ta’ vjolenza domestika ta’ kull età, kien hemm distakk kbir bejn iż-żewġ sessi li jispiċċaw vittma. Dan għaliex in-numru ta’ nisa’ li kienu vittmi f’dawn it-tmien snin kien ta’ 8,160 u n-numru ta’ vittmi rġiel kien ta’ 2,425, differenza ta’ 5,735.
Din l-istatistika tikkonferma stqarrijiet diversi minn għaqdiet tan-nisa u issa saħansitra mill-Gvern li l-vittmi nisa ta’ vjolenza domestika huma bil-wisq aktar minn dawk irġiel.
Allura x’ġara bejn fl-2019 u l-2021? Kemm kien hemm każi?
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-ogħla numru ta’ każi rreġistrati kienu mal-Unit tal-Vjolenza Domestika fi ħdan Aġenzija Appoġġ bin-numru totali ta’ 1,870 filwaqt li kien hemm 1,532 każ li kienu rrappurtati lill-Pulizija.
Minn naħa l-oħra waqt seduta Parlamentari l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar Byron Camilleri saħaq li fl–2020 kien hemm total ta’ 1,409 każi ta’ vjolenza domestika.
Din il-gazzetta ikkuntattjat wkoll lill-kelliem tal-Pulizija dwar in-numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika li saru f’Jannar iżda dan saħaq li għadu kmieni wisq biex ikunu jafu l-ammont ta’ każi li seħħew fl-ewwel xhar tas-sena.
Minkejja dan, f’intervista ma’ din il-gazzetta Lara Dimitrijevic saħqet li bħala Fondazzjoni nnutaw żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika minn mindu seħħ il-qtil ta’ Paulina Dembska.
Din il-gazzetta talbet ukoll għan-numru ta’ każijiet irrappurtati tas-sena 2021 kif ukoll il-ġeneru tagħhom. Filwaqt li l-ILLUM ġiet infurmata li n-numru totali kien ta’ 1,758 rapport ma kien hemm ebda indikazzjoni min minn dawn kienu nisa, irġiel, tfal jew anzjani.
B’hekk meta wieħed jara l-persentaġġ ta’ żieda mill-2010 (725 każ) u jqabblu ma’ dak ta’ 2021 (1,758) kien hemm żieda qawwija ta’ 142.4% fi żmien 11-il sena. Jekk il-każi ta’ vjolenza domestika irrappurtati dejjem qed jiżdiedu, l-ILLUM tistaqsi: is-sena 2022 se tkun sena rekord? X’ser isir biex nipprevjenu dan?