Ftit mumenti ilu ġiet mħabbra l-mewt tal-kitarrist Chris Scicluna, magħruf l-aktar għal meta rrappreżenta lil Malta, fil-Eurovision Song Contest tal-1994 ġewwa l-Irlanda.
Il-kitarist kien irrappreżenta lil pajjiżna flimkien mas-sieħba tiegħu Moira Stafrace bil-kanzunetta 'More than Love.' Intant din ma kinitx l-ewwel darba li Scicluna ħa sehem fil-Malta Eurovision Song Contest b'xi mod jew ieħor, fil-fatt sena qabel, fl-1993, kanzunetta tal-band tiegħu 'Getting Closer' intgħażlet biex tippreżenta lil Malta fil-Eurovsion. Dik il-kanzunetta kienet 'This Time', li kanta William Mangion fl-Irlanda ukoll.
Kien f’dan l-avveniment fejn Chris iltaqa’ ma’ Moira u fl-1994 ikkompona l-mużika għall-kanzunetta 'More than Love', li rrappreżentat lil Malta fil-konkors f’Dublin. Huma kklassifikaw fil-5 post b’97 punt.
Fl-1999, id-duo rritorna għall-Eurovision, din id-darba kiteb kanzunetta bl-isem 'Believe 'n Peace' għall-girlband Times Three. Il-kantanta ewlenija tal-grupp hija oħt Moira. Kemm Chris kif ukoll Moira kienu fuq il-palk bħala backing vocalists.
Scicluna twieled fl-1959 u beda l-istudji tal-mużika fl-età ta’ 8 snin. Huwa qatta’ l-biċċa l-kbira tas-snin 80 jaħdem fir-Renju Unit. Huwa rrekordja l-ewwel album tiegħu fl-1979, ‘Starlights’ bħala kantant kompożitur ma’ band.