Mill-kċina ta’ Barigozzi: Figolli tal-Għid, naspru jew ċikkulata u Vince Saffrett
Il-figolli tradizzjonali, prezzijiet ogħla tal-ingredjenti u passjoni li ma tmut qatt… L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Vince Saffrett fit-tieni dar tiegħu, il-kċina
minn Anthea Cachia
Mil-lum uffiċjalment nistgħu nieklu l-bajd tal-Għid u l-figolli! Għal ħafna Maltin il-figolli mhux sempliċement ħelu ordinarju li nikluh biss f’dan il-perjodu tas-sena iżda magħhom hemm marbuta tradizzjonijiet li ilhom preżenti fil-gżejjer Maltin mijiet ta’ snin.
Oriġinarjament il-figolli ma twildux f’Malta iżda l-Malti sab l-ispirazzjoni mill-ġirien tiegħu, l-Italja. Il-kelma figolla nnifisha kienet ġejja mill-kelma ‘figura’ u li din tirreferi għall-figuri ta’ oġġetti, annimali u persuni li jintużaw biex jagħmlu l-forom għall-figolli.
Proprju fuq hekk, it-tradizzjoni Maltija kienet li l-figolli jkunu f’forma ta’ ħuta li tissimbolizza l-fidi lejn Alla, f’forma ta’ qalb li tissimbolizza l-imħabba u f’xi forma ta’ qoffa li kienet tissimbolizza l-fertilità. Tradizzjoni oħra hija li t-tfal imorru fil-pjazza tar-raħal u jbierku l-figolla jew il-bajd tal-Għid qabel ma jittieklu fil-jum tal-Għid il-Kbir.
Fid-dawl ta’ dawn it-tradizzjonijiet kollha, l-gazzetta ILLUM tistaqsi jekk illum il-ġurnata n-nies għadhomx ifittxu dawn it-tradizzjonijiet ħelwin. Kif ukoll jekk il-Maltin għadhomx jistennew l-Għid sa’ ma jieklu l-ewwel figolla jew jilħqu jieklu xi tnejn jew tlieta qabel ma’ jasal Ħadd il-Għid.
Proprju fuq hekk, din il-gazzetta marret fil-qalba ta’ Birkirkara ftit passi ‘l bogħod mill-Bażilika ta’ Santa Elena fid-Dolceria Barigozzi, msemmija għall-fabbrika li ħadmet il-qanpiena l-kbira tal-Kolleġjata Bażilika ta’ Santa Elena.
Mal-ewwel tokki tad-disgħa l-ILLUM intlaqgħet b’ħeġġa kbira minn Vince Saffrett hekk kif kien għaddej b’xogħlu fil-kċina, li malli tidħol fiha taqsamlek qalbek bir-riħa tfuh ta’ pasti friski.
Fuq l-element ta’ tradizzjoni Saffrett jgħid li għad fadal dawk li għadhom iżommu ma’ dak li kienu jagħmlu qabel. Jgħid ukoll li apparti l-figolli jimxu ħafna l-kwareżimal kif ukoll il-hot cross buns.
“Il-kwareżimal jixtruh ħafna u jemmnu bih, bħall-figolli. Minkejja kollox xorta jibqgħu iżommu t-tradizzjoni li jiftħuhom dakinhar tal-Għid u jikluhom wara l-ikla, għal dawk li jkunu qed jagħmlu s-sawm,” qal Saffret.
Fuq il-forom tal-figolli d-dulċier jgħid li sa’ sentejn ilu kien jagħmel diversi forom, iżda llum il-ġurnata jippreferi jagħmel forom aktar sempliċi bħal qlub biex ilaħħaq jagħmel aktar figolli.
‘Covid-19 jew le, in-nies xorta xtraw il-figolli’
Mistoqsi jekk kellux impatt fuq il-bejgħ tal-figolli f’dawn l-aħħar sentejn, li fihom Malta kienet nieqsa mill-ispirtu tal-Għid, huwa qal li n-nies xorta baqgħu jixtru l-figolli.
“L-Għid le! Iżda imbagħad fil-Milied, lil hinn mill-festini żgħar li baqgħu isiru xorta, il-bejgħ naqas daqsxejn,” kompla jgħid Saffrett.
F’dawn is-snin tal-pandemija d-dinja rat żieda fil-prezzijiet tal-qamħ u ċ-ċereali u bħal ħafna setturi oħra fid-dinja tax-xogħol dan il-qasam ġie affetwat ukoll. Saffrett jgħid li l-akbar impatt tal-prezzijiet raħ fuq il-margarine.
“Iż-żejt ukoll għola, fejn qabel kont nixtrih €1.20 għal kull litru, illum nixtrih €3. Iżda dan mhu tort ta’ ħadd, din qed tiġri madwar id-dinja kollha u kulħadd qed jintlaqat minnha.”
‘Sirt naf li pożittiv fil-11pm u kelli nċempel lin-nies inħassar l-ordnijiet’
Hekk kif id-diskursata daret fuq il-Covid-19, id-dulċier irrakkonta esperjenza kiefra li għadda minnha minħabba l-pandemija. Jgħid li waqt żmien il-Milied ġie pożittiv għall-virus u minħabba f’hekk kellu jgħalaq il-ħanut tiegħu mid-19 ta’ Diċembru sat-8 ta’ Jannar, f’perjodu fejn ikollu ħafna xogħol.
“Ma rriskjajtx. Kieku ridt għalaqt għajnejja imma ma ridtx nieħu dak ir-riskju. Niftakar li sirt naf li pożittiv fil-11pm u kelli nċempel lin-nies inħassar l-ordnijiet. Peress li naħdmu l-familja kollha hawn kellna noqgħodu kollha flimkien ukoll,” qal id-dulċier.
‘Kellna rispons tajjeb ħafna!’
Din id-dolċerija hija mmexxija mill-familja u l-passjoni ta’ din il-familja tidher mill-prodotti friski u ġenwini tagħhom. Tant hu hekk li dawn l-aħħar ġimgħatejn, il-figolli kienu qed jinħmew u jiġu mżejna ta’ kuljum biex il-klijentela tagħhom tgawdi biss minn prodotti friski.
Apparti l-figolli, l-kwareżimal u l-hot cross buns, “dawn l-aħħar sentejn it-tifla tiegħi kienet qed tagħmel ukoll il-bajd tal-Għid biċ-ċikkulata tradizzjonali mżejna bil-fjuri. Ir-rispons kien wieħed tajjeb ħafna.”
Apparti minn hekk din id-dolċerija tagħmel ukoll figolli speċjali. F’dan l-Għid partikolari huwa għamel figolla kbira għall-klabb tal-futbol ta’ Birkirkara. Hawn id-dulċier, b’ċajta żgħira mal-ILLUM jgħid li xorta kien lest li jagħmel din il-figolla minkejja li huwa jżomm ma’ Valletta FC.
Din il-gazzetta tistaqsi wkoll jekk jagħmilx figolli għal dawk li jbatu minn xi kundizzjonijiet bħalma huma c-celiac u dawk li jkunu alerġiċi għall-glutina.
Jgħid li huwa jagħmel biss meta jitlobuh u ma jagħmilx biex ibigħ lill-massa għax biex jagħmel dawn it-tip ta’ figolli, irid inaddaf il-kċina b’reqqa kbira biex jevita l-kontaminazzjoni. Dan għaliex, għal min ikollu l-marda tac-celiac, anke l-kontaminazzjoni - jiġifieri li jintuża l-istess spazju fejn kien hemm dqiq normali - tkun perikoluża għall-ġisem.
L-aqwa figolla: Naspru jew ċikkulata?
Ma nistgħux ngħidu li aħna l-Maltin ma nħobbux żaqna. Ta’ sikwiet issib lil xi grupp ta’ Maltin jiddibattu liema platt tipiku hu l-aħjar, jekk hux il-fenek jew il-laħam taż-żiemel jew inkella l-pastizzi tal-piżelli jew pastizzi tal-irkotta. Dan id-dibattitu qabditu wkoll l-ILLUM u stqasiet lil Saffrett liem figolla jippreferi jekk hux dik miksija biċ-ċikkulata jew bin-naspru.
Għal dan bi tbissima qal, “jien bħall-antiki, in-naspru. Imma ċ-ċikkulata dieħla sew.”
‘Jien ma nirtira qatt’
Fl-aħħar din il-gazzetta staqsiet lil Saffret x’kien il-pjan tiegħu għall-Barigozzi wara li jirtira. Għal dan, pront qal li mhu beħsiebu jirtira qatt u li beħsiebu jaħdem sal-aħħar nifs tiegħu.