Ħatra ġdida għall-Kardinal Mario Grech mill-Papa Franġisku

Il-Kardinal Mario Grech inħatar ukoll membru tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti

Il-Kardinal Mario Grech ingħata inkarigu importanti ieħor mill-Papa Franġisku.

Grech, li huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, inħatar ukoll membru tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.

Din il-Kongregazzjoni tieħu ħsieb dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Liturġija tal-Knisja u anke materji aktar tekniċi relatati mas-Sagramenti.

Il-Kardinal Grech se jkun membru ta' din il-Kongregazzjoni, filwaqt li se jkompli bix-xogħol importanti tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Bħalissa l-Knisja universjali tinsab f'din il-mixja bi tħejjija għas-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet li se jsir fl-2023.

Fil-fatt, il-Kardinal Grech qed idur diversi djoċesijiet imxerrda madwar id-dinja li jinsabu f'mixja biex jippreparaw għal dan is-Sinodu.

Grech serva bħala l-Isqof ta' Għawdex bejn l-2005 u l-2019 u fit-28 ta' Novembru 2020 inħatar Kardinal mill-Papa Franġisku.

Huwa t-tielet Kardinal Malti u t-tieni wieħed, wara mijiet ta' snin bi dritt għall-vot f'eventwalità ta' Konklavi.

Ix-xahar li għadda, The Times of London, semmiet lill-Kardinal Grech bħala wieħed mill-aktar Kardinali popolari u saħansitra ddeskrivietu bħala "Papabile"

More in Socjali