Abbandunati proposti għall-iskola primarja tal-Mellieħa; L-applikazzjoni għall-estensjoni tibqa’ pendenti

Minkejja li l-applikazzjoni ilha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-2018, il-permessi għall-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa għadhom ma ħarġux u proposti li kienu saru biex ikun massimizzat l-użu tal-iskola issa qed ikunu meqjusa ‘mhux vijabbli’ 

L-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa għadha pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar minkejja d-diffikultà ta’ spazju li din l-istess skola ilha tħabbat wiċċha magħha. Apparti minn hekk, proposti li kienu saru biex ikun massimizzat l-ispazju ta’ din l-iskola, anke għall-ġid tal-komunità residenzjal u kummerċjali tal-Mellieħa, issa ngħataw il-ġenb u qed ikunu meqjusa “mhux vijabbli.” 

Sorsi mill-iskola li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu kif minkejja li din l-iskola ilha snin tiffaċċja problema ta’ spazju, minħabba l-popolazzjoni dejjem tikber tal-lokalità, ix-xogħol fuq l-estensjoni tal-iskola għadu ma bedix. 

F’Ottubru, “meta kien hemm ix-xniegħat ta’ elezzjoni f’Novembru,” dehru gafef jaqilgħu l-ħamrija fuq dik il-biċċa art, (kantuniera ma’ Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq il-Mitħna l-Ġdida), li fuqha qed ikun propost li tinbena l-estensjoni tal-iskola. Madanakollu, sal-lum il-ġurnata, permessi għall-estensjoni tal-iskola għad ma hemmx, minkejja li l-applikazzjoni ilha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-2018. 

Il-gazzetta ILLUM ilha snin issegwi s-sitwazzjoni f’din l-iskola tant li għal dawn l-aħħar snin, kien hemm studenti li kienu qed jirċievu l-lezzjonijiet fil-Mellieħa Sports Club. Fil-fatt, kien fl-2016 meta l-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien approva emenda mressqa mill-Gvern bil-għan li l-Mellieħa Sports Club ikun jista’ jintuża  bħala estensjoni ta’ din l-iskola. 

Is-sorsi spjegaw kif il-problema baqgħet tikber sena wara l-oħra hekk kif mill-iskola kienu qed jispiċċaw inqas studenti minn kemm kienu qed jidħlu fis-sena ta’ wara. Dan għax il-popolazzjoni tal-Mellieħa baqgħet tikber fosthom minħabba għadd ta’ familji barranin li jmorru jgħixu hemm. 

“Almenu, fi żmien il-Covid-19, kien hemm familji barranin li telqu u għalhekk f’dawn l-aħħar sentejn il-problema ma komplitx tiżdied kif kien qed isir kull sena.”  

Minkejja li l-problema ilha teżisti snin, sal-lum ix-xogħol fuq l-estensjoni għadu ma bedix u dan minkejja li sas-sena li għaddiet, kienet reġgħet saret konferenza tal-aħbarijiet, mill-Ministru tal-Edukazzjoni, li dak iż-żmien kienet Justyne Caruana, biex jiġu żvelati d-disinji tal-estensjoni li se tkun qed issir b’investiment ta’ €5 miljun. 

Jekk wieħed jidħol fis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar, sal-lum il-ġurnata, għad ma hemmx permessi u din l-applikazzjoni qed tistenna d-deċiżjoni finali.  

Liema proposti ġew meqjusa mhux vijabbli? 

Intant, il-proposti li kien ressaq id-Deputat Mellieħi u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u li dwarhom jidher li kien hemm qbil anke mid-Deputati Melliħin tal-Gvern, issa ngħataw il-ġenb. Fil-fatt, meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) sabet li l-proposti mhumiex vijabbli. 

Fost oħrajn, Cutajar kien qed jipproponi li l-parkeġġ tal-iskola li se jinbena taħt l-estensjoni jkun mifrux fuq sitt sulari u mhux fuq tnejn biex jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti wkoll. Ippropona wkoll biex mill-parkeġġ ikun hemm mina pedonali li tixref fi Triq Borg Olivier, it-triq ewlenija tal-Mellieħa, bil-għan li jonqos it-traffiku fl-istess triq u l-ħwienet ikunu aktar aċċessibbli. 

Kien ippropona wkoll li s-sala tal-iskola tinbena mill-ġdid biex tirbaħ sular u nofs taħt l-art biex tkun tista’ taqdi wkoll mhux biss lill-istudenti imma anke l-għaqdiet tal-Mellieħa. 

Dwar dan l-ILLUM tkellmet ma’ Robert Cutajar li saħaq li huwa ddiżappuntat ferm bir-risposta tal-Ministru anke għax is-suġġett huwa għal qalbu u dejjem ħadem id f’id mal-Gvern għall-ġid ta’ dan il-proġett. 

Cutajar saħaq li kemm Evarist Bartolo u anke Justyne Caruana, meta kienu Ministri għall-Edukazzjoni tawh l-opportunità li jiltaqa’ fuq il-post mal- FTS u kollox kien jindika li kien hemm qbil dwar il-proposti li kien qed jagħmel hu.  

“Ħadd ma kien infurmat li l-proposti issa ma ġewx milqugħa sakemm għamilt Mistoqsija Parlamentari. Ħasra li problema tal-parkeġġ li ilha ġġorr il-qalba tal-Mellieħa u l-komunità kummerċjali mhux se tkun solvuta,” kompla Cutajar waqt li akkuża lill-Gvern li, fi kliemu, qed jixxaħħaħ mal-komunità tal-Mellieħa. 

Cutajar saħaq li fil-Mellieħa ma hemmx postijiet oħra li joffru opportunità li jsir parkeġġ bħal dan li jintuża mhux biss mill-iskola imma anke mir-residenti u li jkun viċin postijiet importanti, inkluż il-posta, id-dar tal-anzjani u l-qalba kummerċjali. 

‘Għal binjiet oħra l-permessi malajr jinħarġu...’ 

Tkellem ukoll dwar is-sala u saħaq li l-proposta tiegħu, li ħariġha anke wara li kkonsulta ma’ esperti u periti, kienet importanti mhux biss għall-iskola imma anke għall-għaqdiet tal-Mellieħa, inkluż dawk mużikali u gruppi oħra u setgħet tiġbed lejn il-Mellieħa n-niċċa tat-turiżmu tal-konferenzi. 

“Meta konna identifikajna post fid-daħla tal-Mellieħa għall-bini ta’ sala għall-komunità tal-Mellieħa u anke biex tintuża għall-konferenzi, il-Gvern iddeċieda li jagħtiha lill-Privat u minflokha llum hemm binja ta’ disa’ sulari.” 

Temm jappella biex din l-applikazzjoni ma tibqax fuq l-ixkaffa għax fi kliemu, għal binjiet oħra, ma kienx hemm bżonn daqshekk dewmien. 

Intant, il-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u staqsiet, fost oħrajn, għaliex dawn il-proposti issa ġew meqjusa mhux vijabbli. 

X’se tinkludi l-estensjoni? 

Il-proġett jinkludi r-rinovar tal-binja eżistenti u anke l-bini ta’ blokka ġdida biswit l-iskola. F’din il-binja se jkun hemm tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għall-primarja.  

Se jinkludi wkoll faċilitajiet għall-edukaturi u servizzi oħra, fosthom kamra għall-First Aid, liberija, gym u sala. Il-gym se jkun jintuża mill-pubbliku wara l-ħinijiet tal-iskola. 

Ix-xogħlijiet se jkunu qed jassiguraw li jkun hemm il-ħolqien ta’ klassijiet addizzjonali għal suġġetti vokazzjoni, ix-xjenza, l-arti u l-mużika u anke għall-iżvilupp soċjali u personali.  

Se jkun hemm kamra wkoll multi-sensorjali għat-terapija ta’ dawk it-tfal li jiġu bżonnha u anke spazju għal ċentru ġdid ta’ childcare. 

Meta jkun konkluż, l-iskola se tkun qed tilqa’ 700 student u l-edukaturi jiżdiedu b’25 persuna. 

More in Socjali