Jum il-Missier | 'L-emozzjonijiet li jagħtuk it-tfal diffiċli tiddeskrivihom. Uniċi’
Messaġġ għall-futur, pariri biex jibqgħu umli u ammirazzjoni għall-kreattività. Hekk kif illum infakkru Jum il-Missier, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Clayton Pace, Ivan Gaffiero, Abigail u Salvu Mallia fuq l-isbaħ mumenti flimkien u dak kollu li jibni r-relazzjoni bejn il-missier u uliedu...
minn Anthea Cachia
Minkejja li l-missirijiet ma’ jġorrux lil uliedhom għal disa’ xhur sħaħ, xorta waħda għandhom rwol sinjifikanti u xorta waħda jħobbu u jgħożżu lil uliedhom, bl-istess mod ta’ kif tagħmel l-omm.
Bħalma għamilna f’Jum l-Omm, illum f’Jum il-Missier infakkru wkoll lil dawk il-missirijiet li tilfu lill uliedhom, lill-ulied li tilfu lill-missierhom, lil dawk li qatt ma kellhom l-opportunità li jsiru missirijiet u lil dawk il-persuni kollha li ma humiex missirijiet iżda kellhom l-istess irwol.
Għal din il-ġurnata iddedikata lill-missirijiet il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tliet missierijiet li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni; Ivan Gaffiero, Salvu Mallia u Clayton Pace. Ilkoll tkellmu mal-ILLUM u stqarru l-aktar mumenti diffiċli għalihom bħala missirijiet, x’inhi l-aktar ħaġa li jħobbu jagħmlu ma’ uliedhom u jekk ikollhom jgħaddulhom xi parir, xi jkun.
‘L-emozzjonijiet li jagħtuk it-tfal diffiċli tiddeskrivihom. Uniċi’
Clayton Pace, attur magħruf fid-dinja tad-drammi Maltin, huwa missier Noah li llum għandu tliet snin.
“Nixtieq li t-tifel tiegħi ngħallmu jgawdi l-mument,” qal Pace. Huwa rrakkonta li peress li jaħdem ma’ ħafna żgħażagħ, innota “ossessjoni bil-gadgets… li kieku jistgħu, jużawhom il-ħin kollu.” Għaldaqstant ix-xewqa tiegħu hi li jara lill-ibnu jgawdi kull mument tal-ħajja, “bħal meta konna tfal aħna u allura japprezza dak li qed jiġri madwaru u jgħix il-mument.”
‘L-akbar sfidi huma l-ħin u l-karriera tiegħi’
Mistoqsi x’inhi l-aktar ħaġa għall-qalbu bħala missier u l-aktar ħaġa li hija ta’ sfida għalih, saħaq li bla dubju l-akbar sfidi huma l-ħin u l-karriera. Jisħaq li minn meta kellu lil ibnu lura fl-2019, kellu jwaqqaf ħafna proġetti. Minkejja li d-drama huwa l-impjieg full-time tiegħu, kellu jnaqqas ammont sostanzjali minn xogħlu.
Jgħid iżda li min-naħa l-oħra l-aktar ħaġa ta’ sodisfazzjon għalih hija, “l-emozzjoni sabiħa li jagħtuk it-tfal. Jekk nipprova niddeskrivi din l-emozzjoni bil-kliem żgur li ma jirnexxilix. Din l-emozzjoni hija unika.”
Pace ikompli jgħid li l-aktar ħin tal-ġurnata li jkun qed jistenna ta’ kuljum huwa l-ħin tal-logħob. Qal li bħalissa ibnu Noah qiegħed fil-fażi li ffissa fuq l-eroj u d-dinosawri u waħda mill-aktar logħob li jħobb jilgħab ma’ ibnu hi li jaqbdu wieħed mid-dinosawri u taparsi jipproteġu lil ommu milli tiġi attakkata mid-dinosawru.
‘Meta tagħmel it-tajjeb, tirċievi t-tajjeb lura’
Pace jemmen li ibnu għandu jkollu żewġ kwalitajiet. L-ewwel waħda hija li jkun kapaċi jagħmel dak kollu li jagħmlu kuntent u li ma jħallix lin-nies jew il-biża’ twaqqfu, “dejjem jekk dan ma jkunx ta’ ħsara għalih.”
It-tieni punt li enfasizza fuqu kien biex ibnu ma jweġġa’ lil ħadd u jħobb lil ta’ madwaru. “Meta tagħmel it-tajjeb, tirċievi t-tajjeb lura,” qal Pace.
‘Li kieku jkollok tagħtih parir għal meta jikber, xi jkun?’
Fl-aħħar Pace qal li parir li dejjem jagħti lil ibnu hu li jħobb u jieħu ħsieb lilu nnifsu. Huwa kompla jgħid li sfortunatament il-ħajja ta’ llum hi wisq mgħaġġla u biex wieħed ilaħħaq ma’ kollox xi kultant, “tinsa lilek innifsek.”
“Kif diġà għidt qabel ix-xewqa tiegħi hija li nara lil ibni kuntent, mhux importanti x’karriera jaqbad jew liema xogħol ikollu,” żied Pace.
Huwa temm b’messaġġ għall-Noah tal-futur u qallu, “irridek tkun taf li jien se nappoġġjak dejjem u f’dak kollu li tixtieq qalbek … Inħobbok.”
‘It-tfal dejjem ġew l-ewwel post f’ħajti’
Ivan Gaffiero, direttur ta’ Gaffiero Productions u numru ta’ produzzjonijiet oħra ta’ immudellar, huwa missier ta’ żewġ tfajliet Martina Pia ta’ 18-il sena u Tiziana ta’ 26 sena. Jisħaq li l-esperjenza tiegħu bħala missier kienet waħda pożittiva u sabiħa mit-twelid tagħhom.
“Dejjem ippruvajt inkun hemm għall-uliedi, kemm fiż-żmien sabiħ u anke fl-aktar żminijiet diffiċli li kelli. Però t-tfal dejjem ġew l-ewwel post f’ħajti,” qal Gaffiero.
Huwa kompla jgħid li mument indimentikabbli għalih kien fil-preċett, “kemm kienu sbieħ!”. Dan apparti meta jarahom kuntenti għax jirnexxielhom jiksbu xi ħaġa li tant ikunu xtaqu jagħmlu. Fil-fatt jgħid li l-aktar ħaġa li tirrabjah hi meta jaqtgħu qalbhom minn xi ħaġa, “għax fil-ħajja trid tkun sod u tiġġieled”.
Ikla bebbux u l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira
Gaffiero jisħaq li l-aktar ħaġa li jħobbu jagħmlu flimkien hu u uliedu huwa meta joħorġu jieklu. “Ġieli jirrabjaw meta nkunu qed nieklu għax jiġu jkellmuna n-nies,” żied jgħid Gaffiero. Qal ukoll li bħala parti mill-ħin li jiddedika magħhom huwa jara li dejjem isib ħin biex jitkellmu, speċjalment fuq xi xow u x-xogħol li jagħmel hu.
Huwa rrakkonta li waħda mit-tradizzjonijiet bejnu u uliedu huwa li ta’ kull sena fil-Ġimgħa l-Kbira jingħaqdu, jaraw il-vari flimkien u jieklu ikla bebbux għand omm u missier Gaffiero.
‘Nammirahom li baqgħu saqajhom mal-art’
Mistoqsi x’jammira l-aktar f’uliedu huwa wieġeb li jammira li baqgħu saqajhom mal-art u qatt ma tkabbru. Huwa saħaq li ta’ sikwit kien ifakkarhom li fil-ħajja trid tibqa’ umli.
Li kieku jkollok tagħtihom parir, xi jkun?
Huwa qal li l-ħajja mhi faċli xejn iżda wieħed irid ikun kapaċi li jimxi ‘l quddiem.
“Daqs kemm irridulhom ġid jien u ommhom, ħadd. Il-ħbieb sbieħ imma daqs ommok u missierek ma ssib lil ħadd,” temm jgħid Gaffiero.
‘L-esperjenza fit-Teatru Manoel kienet xi ħaġa maġika għal tifla ta’ tmien snin’
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Abigail u Salvu Mallia, uċuħ li mhux darba jew tnejn iltaqajna magħhom fuq it-televiżjoni. Salvu Mallia qal li Abigail u hu jikkumplimentaw ħafna lil xulxin, tant hu hekk li jiddeskriviha bħala l-verżjoni femminili tiegħu.
Abigail irrakkontat li waħda mill-aktar affarijiet li se tibqa’ tiftakar fi tfulitha, bla dubju, hija li ta’ kull nhar ta’ ħadd missierha kien iqajjem lil familja bl-opri ta’ Mozart. “Jien nista’ ngħid li ta’ età żgħira kont nafhom bl-amment,” kompliet tgħid Abigail.
Saħqet li ħaġa oħra indimentikabbli għaliha kienet meta missierha kien joħodha miegħu t-Teatru Manoel “u din kienet xi ħaġa maġika għal tifla ta’ tmien snin. Fil-fatt kien tani parti ma’ Peppi Azzopardi - l-ewwel darba li qatt iltqajt miegħu - kont nitla’ u nagħtih fjura u bewsa, kont veru nistħi.”
Salvu Mallia jgħid li tul it-tfulija kemm ta’ Abigail u ta’ ibnu Jon, kien hemm mumenti koroh u anke sbieħ. Jirrakkonta li xi ħaġa li għandha mnaqqxa fil-memorja tiegħu hi meta kellu jieħu lil Abigail l-isptar minħabba attakk tal-ażma. Iddeskriviha bħala ġurnata u xena “tal-waħx”.
Madankollu huwa saħaq li ta’ età żgħira, meta Abigail kienet tara lil missierha jpinġi lill ommha fuq xi kanvas kienet tispira ruħha u taqbad tpinġi bħalu.
Intant Abigail tisħaq ma’ din il-gazzetta li meta kienet żgħira l-familja tagħha kellhom ħanut tal-buttuni fil-Belt Valletta u kienet l-hena tagħha tqabbel il-buttuni tan-nies mad-drapp. “Kienet xi ħaġa tal-ġenn u vera kont nieħu gost u apparti minn hekk kont indur il-Belt kollu u kont noqgħod niġbor il-fliexken u npartathom ma’ żewġ ċenteżmi,” qalet Mallia.
Saħqet li hi u missierha għandhom ħafna affarjiet komuni, fosthom li jħobbu ħafna lill-klieb tagħhom, jiltaqgħu ta’ spiss biex jieklu u jiddiskutu fil-profond kif ukoll li t-tnejn iħobbu jaraw dokumentarji u serje fuq id-delitti u l-misteri.
‘Għandu 70 sena u għadu jitgħallem, jesperimenta u għandu għatx għall-ħajja’
Mistoqsija x’inhi l-aktar ħaġa li jammiraw f’xulxin Abigail saħqet li ħaġa tal-iskantament huwa l-fatt li ta’ 60 sena għallmet lil missierha jagħmel l-editjar u llum il-ġurnata tgħid li jaf jagħmel editjar aħjar minnha.
Bejn ċajta u oħra Salvu jisħaq li l-aktar ħaġa li jammira f’bintu hi li tixbaħ lilu. “Imma immorru għas-serjetà, Abigail tgħix għal dak li temmen, għandha l-prinċipji u l-għanijiet tagħha u li għandha tajjeb ħafna - u li jien m’għandix - huwa l-isfond edukattiv. Hija kienet kapaċi tistudja u hi reżiljenti ħafna.”
Ħaġa oħra li aċċenna għaliha l-missier hi li minkejja li hija taħdem f’industrija iddominata mill-irġiel irnexxilha, b’suċċess, tirnexxi u tibqa’ kif inhi.
Abigail żiedet tgħid li minkejja li llum għandu 70 sena, għadu jitgħallem u għandu għatx għall-ħajja u hija dik ir-raġuni li żżommu żagħżugħ.
“Jien nammira l-fatt li issa sab il-paċi f’ħajtu u meta n-nies jaslu sa’ ċertu età jkollhom ċertu biża’ iżda hu le u din hi xi ħaġa li jien verament nixtieq li jkolli,” qalet Abigail.
X’parir tagħtu lil xulxin?
Abigail saħqet li peress li hija persuna li tieħu ħsieb saħħitha ħafna tixtieq li tara lil missierha jieħu ħsieb saħħtu aktar ukoll. “Minkejja li jidher tajjeb ta’ 70 sena xorta, irridu jieħu ħsieb,” qalet Abigail.
Min-naħa l-oħra Salvu Mallia temm jgħid li minkejja li jħobb jgħaddi suġġerimenti u mhux pariri - għax mhux kulħadd ikun fl-istess sitwazzjoni - jemmen li bintu ma għandhiex bżonn pariri għax dak li tixtieq li tilħaq dejjem jirnexxielha tagħmlu.