L-eks Deputat Mario Galea jitlob għal inkjesta fil-każ ta' Nicholas Camilleri

Galea jisħaq li l-familja ta' Nicholas Camilleri għandha bżonn l-appoġġ ta' professjonisti u mhux li 'ngħadduha ġuri fuq il-midja soċjali'

L-eks Deputat Mario Galea, permezz tal-paġna privata tiegħu ta' Facebook, talab għal inkjesta fuq il-każ ta' Nicholas Camilleri li nhar is-17 ta' Ġunju ġie rrapportat nieqes, u wara instab mejjet f’kamra fl-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa fil-limiti tal-Imġarr.

Mario Galea fuq l-istess paġna, qal li segwa dan il-każ b'dispjaċir u saħaq li l-familja tiegħu għandna bżonn biss l-għajnuna tal-professjonisti u mhux li "ngħadduha ġuri fuq il-midja soċjali."

"Nittama li ssir inkjesta fuq dan il-każ. Mhux biex insallbu lil xi ħadd imma biex nitgħallmu x'seta sar differenti. Biex każ bħal dan jekk jista' jkun ma jerġax jiġri," żied jgħid Galea.

L-eks Deputat fakkar illi hu ilu snin jitkellem fuq il-mard mentali u r-rata ta' suwiċidju li "qed tkompli tiżdied." Insista li għad hemm il-bżonn li l-kura tal-mard mentali u l-prevenzjoni tas-suwiċidju tittieħed b'iktar serjetà.  

"F'Malta n-nies li jmutu kull sena b'suwiċidju huma aktar milli jiġu maqtulha. Il-mard mentali u is-suwiċidju m'għandux jintuża bħala ballun politiku. Irridu naħdmu flimkien biex ngħinu lil min qed ibati minn problemi ta' saħħa mentali jew qiegħed f'riskju ta' suwiċidju." temm jgħid Mario Galea.

Fuq l-istess linja ta' ħsieb ilbieraħ il-Fondazzjoni Richmond tkellmet dwar il-każ u saħqet hi wkoll li "Nicholas miet għax kien sempliċiment numru u statistika." Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li r-raġel miet għax is-sistema falliet miegħu minkejja li kien persuna vulnerabbli. Saħansitra qalet li l-mewtha tiegħu setgħet ġiet evitata.

Aqra wkoll:

More in Socjali