'Il-ġenna tal-art se nitilfuha' - Bugħaddas b’40 sena t’esperjenza jitkellem dwar Kemmuna
Borg jispjega kif fl-aħħar 15-il sena ra' lil Kemmuna tinbidel u tisplodi bit-turiżmu u dgħajjes u skart
minn Marianna Calleja
Raniero Borg, bugħaddas b’40 sena t’esperjenza, spjega lill-Moviment Graffitti kif Kemmuna qed tinbidel f’miżbla – bi skart fuq l-art u f’qiegħ il-baħar – minħabba l-attività kummerċjali intensiva f’din ir-riserva naturali.
Fil-filmat, li l-moviment xerred fuq Facebook, Borg jispjega kif fl-aħħar 15-il sena ra' lil Kemmuna tinbidel u tisplodi bit-turiżmu, id-dgħajjes u skart. Huwa kompla jgħid kif fl-aħħar drabi li żar il-gżira, innota kif mal-gabbani kien hemm numru ta' bramel għaż-żibel iżda dawn jifqu s'hemm. "Jekk inti jkollok turisti lejn id-dgħajjes mhux se jitla' fejn il-kiosk biex jarmi," sostna Borg.
Irrakonta kif xi drabi jinżlu xi turisti jgħoddsu u għalkemm is-sbuħija żgur ma titlifhiex, dlonk jibdew jindunaw bil-fdalijiet tal-pineapples, flixken tal-birra u anke plastik ieħor. Hu temm jgħid mal-Moviment Graffitti kif qabel il-Maltin kienu jiftaġru b'Kemmuna u jsejħulha "l-ġenna tal-art", iżda issa jħoss li "jekk mhux se noqgħodu attenti se nitilfuha."
Segwi aktar avventuri ta' Raniero Borg hawnhekk.
Il-Moviment Graffitti b’ittra lil ħames Ministri sabiex tiġi indirizzata s-serqa tal-Blue Lagoon
Fil-bidu ta' Ġunju, il-Moviment Graffitti bagħat ittra dwar l-istat li fih tinsab Kemmuna - sit prezzjuż tan-Natura 2000 - lill-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, lill-Ministru ta’ Għawdex, Clint Camilleri, lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri.
F’din l-ittra, il-Moviment Graffitti ġibed l-attenzjoni tal-Ministri "għall-isfreġju ambjentali li jaħkem lil Kemmuna sajf wara sajf u li farrak l-istat naturali ta’ din il-gżira unika, prezzjuża, fraġli u sit kruċjali tan-Natura 2000" u ressaq sitt talbiet konkreti f’dan ir-rigward.
It-talbiet kienu dawn:
1.Umbrelel u deckchairs għandhom jinkrew biss lil nies li jinsabu fiżikament fuq il-post. L-umbrelel u d-deckchairs tal-kumpaniji privati m’għandhom qatt jokkupaw iktar minn perċentwal stipulat sabiex l-aċċess u t-tgawdija tal-kosta ma jixxekklux, f’konformità mal-Att dwar id-Dominju Pubbliku. Dan il-perċentwal għandu jiġu stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna wara li jkunu saru l-istudji kollha u skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna tal-ERA (2019).
2.In-numru u d-daqs ta’ kjoskijiet madwar il-bajja għandu jkun ferm inqas minn dak preżenti u għandu jiġi stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna sabiex neliminaw il-konġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni żejda taż-żona, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Fir-rigward tal-bejgħ mill-kjoskijiet, huwa urġenti li t-tazzi kollha jkunu magħmula minn plastik li jista’ jerġa jintuża u straws bijodegradabbli.
3.Kwalunkwe attività kummerċjali fil-bajja tal-Blue Lagoon għandha topera skont permess li jinħareġ mill-gvern u li jinkludi kontribut finanzjarju li jmur lejn iż-żamma tal-bajja. Kwalunkwe attività kummerċjali li ma timxix mar-regoli għandu jitteħdilha l-permess li topera.
4.Il-gvern għandu jieħu azzjoni urġenti favur iż-żamma tal-bajja bħal pereżempju billi jiżgura li hemm biżżejjed bins għall-iskart. Iż-żamma tal-bajja għandha tqis ukoll li jkun hemm biżżejjed gwardjani li jħarsu lill-gżira u jkollhom l-awtorità jinfurzaw ir-regoli.
5.Il-mużika mill-kjoskijiet u d-dgħajjes, u l-generators storbjużi għandhom jiġu projbiti immedjatament.
6.Għandha tibda ħidma immedjata fuq dokument ta’ politika għal Kemmuna li jiġbor fih ukoll l-ammont ta’ nies li tista’ tilqa’ din il-bajja skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Din il-politika għandha tipprojbixxi laneċ kbar (bħal katamarni) milli jidħlu fil-Blue Lagoon u tpoġġi limitu fuq in-numru ta’ laneċ li jistgħu jidħlu kull jum.