Sondaġġ ILLUM: In-nisa moħħhom fil-familja waqt l-irġiel jitbaqbqu fuq il-futbol

Il-familja tibqa’ l-iktar importanti għall-Maltin, hekk kif il-maġġoranza tal-parteċipanti jwieġbu li jitkellmu frekwentament fuqha, iżda warajha insibu l-isport u l-politika l-iktar popolari mal-irġiel

Immaġinak b’kisra ħobż biż-żejt f’id u birra kiesħa fl-oħra, imdawwar bi sħabek, tilgħaq ix-xemx fuq il-bajja. X’qed tiddiskutu? Jekk inti pensjonant, immaġinak mort għand tas-soltu, tlabtu te fit-tazza b’waħda zokkor u ntfajt ħdejn sħabek. Fuq xix qed tiċċajtaw?  U fl-aħħar, jekk inti mara, lestejt mix-xogħol u inżilt fil-kamra fejn tieħu l-brejk ma’ sħabek l-oħra. Fuq xix tkellimtu? 

L-aħħar sondaġġ tal-gazzetta ILLUM minn POLAR, daħal bħal dubbiena fil-konverżazzjonijiet tagħkom u staqsa mistoqsija sempliċi: Ma’ sħabek fuq xix titkellem l-iktar? 

In-nisa jitkellmu l-aktar fuq il-familja waqt li l-irġiel jitkellmu l-iktar fuq l-isports 

L-iktar kategorija li spikkat kienet il-familja, illi jitkellmu fuqha l-maġġoranza tal-parteċipanti kollha li ħadu sehem fis-sondaġġ. Iżda l-iktar li jitkellmu dwarha huma in-nisa, b’51.8% jgħidu li jinkludu l-familja fid-diskors ma’ sħabhom.  

It-tieni l-iktar kategorija popolari man-nisa kienet is-safar, b’9% jgħidu li semmew is-safar ma’ sħabhom filwaqt li 7.4% qalu li jitkellmu aktar fuq ix-xogħol. L-inqas suġġett li jitkellmu fuqu n-nisa huwa l-politika (0.9%), u warajh l-isports (1.3%). 

Dawn iż-żewġ kategoriji, kemm l-isport u anke l-politika però jinżlu għasel mal-irġiel. Bl-isports jiddomina d-diskussjoni b’18.4% u l-politika tiddomina 15.3% tal-konverżazzjonijiet l-oħra. 

Hu interessanti kif 11.8% tal-irġiel biss qalu li jitkellmu dwar il-familja. Dan jagħmel l-irġiel, l-inqas parteċipanti li jitkellmu fuq il-familja mhux bejn is-sessi biss, iżda bejn il-parteċipanti kollha. 

Darbtejn insiru tfal! Il-pensjonanti u persuni taħt il-35 sena l-iktar li jiċċajtaw 

Filwaqt li ċ-ċifri juru li l-irġiel jiċċajtaw aktar min-nisa, juru wkoll li l-aktar li jiċċajtaw huma nies pensjonanti u persuni taħt l-età tal-35 sena.  

L-inqas li jiċċajtaw huma nies bejn l-51 sena u l-64, bl-ebda parteċipant f’din il-kategorija ma jgħid li jsemmi ċ-ċajt ma’ sħabu. Din il-kategorija però tispikka fejn tidħol il-politika. B’13.2% jammettu li l-politika jitkellmu b’mod frekwenti fuqha, biż-żgħażagħ isegwu warajhom (10.3%). 

Iż-żgħażagħ mid-dehra jitkellmu fuq pjuttost suġġetti varji għax jispikkaw ukoll f’kategoriji bħax-xogħol (14.4%) u s-safar (9.8%) li wkoll kellhom persentaġġi għolja rispettivament.  

Bħal ma kien mistenni, l-inqas persuni li jitkellmu dwar ix-xogħol huma l-pensjonanti li minflok idawwru d-diskors fuq il-familja. 37.5% tal-pensjonanti jgħidu li jitkellmu l-aktar fuq il-familja filwaqt li l-ebda pensjonant li pparteċipa fis-sondaġġ ma wieġeb li jitkellem fuq ix-xogħol. 

Għal-kuntrarju tal-pensjonanti, persuni ta’ etajiet bejn s-36 u l-50 sena huma l-aktar nies li jitkellmu dwar ix-xogħol (16.8%) iżda xorta ma kinux fost l-inqas li jitkellmu dwar familja (29.2%) għax l-inqas kienu iż-żgħażagħ (17%). 

Ta’ Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi, ir-Rabat u Ħad Dingli l-iktar li jitkellmu fuq politika 

Il-lokalitajiet fil-Majjistral ta’ Malta, li huwa magħmul minn Ħ'Attard, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, L-Iklin, Ħal Lija, L-Imdina, L-Imtarfa, Ir-Rabat, Is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, huma l-iktar persuni li jitkellmu dwar il-politika (17%). Warajhom insibu lil Għawdxin, b’11.4% jgħidu li jitkellmu l-aktar fuq il-politika ma’ sħabhom. 

Tal-Majjistral u l-Għawdxin jgħidu wkoll li ma jitkellmux fuq ċajt ma’ sħabhom, bl-ebda parteċipant minn dawn l-akkwati, kif ukoll mit-Tramuntana ta’ Malta, ma jgħid li jiċċajta ma’ sħabu.  

Għal kuntrarju ta’ dan, lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta inkluż il-Karkariżi, il-Qriema u l-Vendriżi, moħħhom fiċ-ċajt. Dawn il-lokalitajiet kellhom l-ogħla ċifra, b’3.1% jgħidu li ma’ sħabhom iħobbu jiċċajtaw wisq. 

Tal-Majjistral jispikkaw ukoll f’kategoriji bħall-familja (39%) u safar, bl-ogħla ċifra, dik ta’ 17%. 

Persuni li gradwaw minn livell terzjarju l-iktar li jitkellmu fuq ix-xogħol u l-inqas li jitkellmu fuq il-familja 

Kif għidna qabel, il-familja hija suġġett popolari wisq ħlief mal-irġiel, iżda flimkien magħhom hemm il-persuni b’edukazzjoni terzjarja, jiġifieri dawk li ggradwaw (15.1%). Minflok, mid-dehra, iħobbu jitkellmu aktar fuq ix-xogħol, b’waħda mill-ogħla ċifri, dik ta’ 17.8%. 

L-opposti tagħhom, kienu dawk li waqqfu l-iskola sal-primarja, li b’waħda mill-ogħli ċifri fl-istess kategorija (48.1%), turi li jħobbu jitkellmu l-iktar fuq il-familja. Persuni li ma komplewx l-iskola wara l-primarja ma jħobbux jitkellmu wkoll dwar is-safar, b’0.8% biss jgħidu li jitkellmu dwar dan, l-iktar ċifra baxxa fl-istess kategorija. 

Min-naħa l-oħra l-parteċipanti li lestew edukazzjoni sekondarja, l-iktar li jħobbu jitkellmu dwar il-politika u l-familja ma’ sħabhom. Magħhom insibu dawk li lestew il-post sekondarja li kellhom l-iktar bilanċ fost is-suġġetti, bl-iktar interess tagħhom ikun fl-isports. 

In-Nazzjonalisti fost dawk bl-iktar interess fil-Politika...  

Votanti li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lil Partit Nazzjonalista (11.8%) jitkellmu aktar fuq il-Politika ma’ sħabhom milli dawk li vvotaw lill-Partit Laburista (5.8%).  Is-suġġett tal-politika mhux popolari mal-persuni li fl-aħħar elezzjoni ma vvutawx, iżda bi ftit inqas mill-Laburisti (5.6%). 

Persuni li ma vvutawx fl-elezzjoni ġenerali, minflok jagħżlu li jitkellmu dwar ix-xogħol ma’ sħabhom, b’20% jgħidu li jagħmlu dan. Is-sondaġġ juri li l-istess nies iħobbu jiċċajtaw l-iktar wkoll iżda huma fost l-inqas li jitkellmu fuq familja u l-isport.  

L-isport huwa l-iktar suġett popolari mal-votanti taż-żewġ partiti, b’11.9% tal-Laburisti jgħidu li jitkellmu fuq l-isport mas-sħabhom u 12% tan-Nazzjonalisti jgħidu li jagħmlu l-istess. 

More in Socjali