"Bħalissa qed naraw splużjoni ta' nies li qed jiġu fuqna u li spiċċaw bla saqaf fuq rashom għal ħafna raġunijiet. Din mhix politika. Il-faqar qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea kollha u dan tixhdu l-istatistika tal-Ewrobarometru. Imma hawnhekk ma aħniex qed nitkellmu biżżejjed dwar dawn ir-realtajiet li aħna qed naraw kuljum." Hekk sostna ma' din il-gazzetta Fr Marcellino Micallef, li jmexxi s-Soup Kitchen fil-Belt Valletta u li toffri ikliet b'xejn lil dawk li ma għandhomx biżżejjed biex iħallsu għal ikla bnina, jew inkella dawk li lanqas biss għandhom fejn jgħixu.
Fil-fatt mistoqsi minn din il-gazzetta jekk l-għoli fil-prezzijiet esperjenzati bħalissa humiex qed jaffetwaw is-sitwazzjoni ta' bosta nies li jgħixu bil-paga minima jew paga baxxa, Fr Micallef beda billi qal illi "aktar minn kollox bħalissa qed naraw qabża fin-nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, speċjalment fost dawk li jkunu ħerġin mill-ħabs jew inkella Monte Carmeli. Allura dan sew? Għaliex żagħżugħ li ħiereġ mill-Isptar Monte Carmeli jew il-ħabs għandu jispiċċa bla saqaf fuq rasu?"
Huwa qal li dan is-suġġett ta' nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jew inkella fil-faqar ġie diskuss ukoll mal-Caritas u diversi għaqdiet oħrajn fl-aħħar jiem u kien hemm qbil illi "hemm ħafna li qed jaqgħu mix-xibka soċjali u hemm bżonn li s-sistema tkun indirizzata biex dan ma jibqax jiġri."
Fr Marcellino Micallef qal illi ta' kuljum bejn 80 u 100 persuna qd imorru jieħdu ikla mingħajr ħlas mis-Soup Kitchen, għax ftaqru. Huwa jfakkar li l-faqar jista' jiġri għal ħafna raġunijiet fosthom dawk soċjali, dawk psikoloġiċi u semma b'emfasi l-problemi relatati ma' dipendenza fuq id-droga.
Kompla jispjega li apparti dawk li qed imorru għall-ikel - li jirrimarka illi aktar minn 90% tagħhom huma fil-fatt Maltin - hemm ukoll iċ-ċentri tal-YMCA li jgħid ukoll li huma kważi kollha mimlijin bħalissa.
"Staqsuhom lid-Deputati ħa jgħidulna kemm hawn nies li qed jaqtgħulhom is-servizz tad-dawl l-ARMS għax waqgħu lura fil-ħlasijiet," jgħid Micallef. Mistoqsi imma hux jippretendi li n-nies ma jħallsux tas-servizz huwa qal li filwaqt li huwa veru li jkun hemm min waqa' lura sostna li l-multi li għandhom jitħallsu huma wisq kbar għal min ma jkunx ħallas u staqsa wkoll jekk persuna għandhiex imqar ikollha s-servizz fuq livell minimu sakemm tkun tista' tibda tħallas, "imqar biex tixgħel bozza jew fridge."
Huwa tkellem dwar il-pensjonanti u fakkar li hawn min qed jgħix b'pensjoni ta' €500 fix-xahar jew inkella ħaddiema bil-paga minima ta' ftit iktar minn €800 u jkollhom xi €300 minnhom f'manteniment għat-tfal. "Kif se jsibu fejn jikru dawn? Kif se jkollhom biżżejjed biex jieklu?"
Huwa appella lill-qarrejja ta' dan l-artiklu biex ma jitqarqux u ma jiġġudikawx. "Id-drogi jfaqqruk - imma anke marda tista' tfaqqrek! Separazzjoni, divorzju... jista' jfaqqrek! Sa ftit ġranet ilu għinna lil familja partikolari biex ikollha saqqu għas-sodda, ftit ġranet ilu wkoll ġiet persuna - raġel Malti - li kellu l-problema tad-droga u li ma jistax isib impjieg. Ġie jiekol hawn u spiċċa rieqed mal-mejda. Ftit ilu ġie żagħżugħ Malti jitlobna għall-ikel għax kien għadu ħiereġ minn Monte Carmeli u ma kellux fejn jitfa' rasu. Dawn realtajiet ta... ta' Maltin bħalna!"
Fr Marcellino Micallef saħaq illi s-sistema hija waħda li qed tħalli lin-nies jaqgħu mix-xibka soċjali u qal illi jiddispjaċih iżda ma jidhirx li hemm soluzzjonijiet biżżejjed, speċjalment għal dawk li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
"Qed naraw ukoll li dawn is-sitwazzjonijiet iwasslu għal numru ta' persuni li jispiċċaw ineħħu ħajjithom," isostni ma' din il-gazzetta Fr. Micallef.
Huwa temm jappella mill-ġdid sabiex issir diskussjoni serja dwar dawn ir-realtajiet ta' faqar f'pajjiżna li reġa' sostna li ftit huma dawk li qed jitkellmu fuqha biżżejjed, anke jekk qed jiżdied.
Qrajt din l-istorja u tixtieq tgħin lis-Soup Kitchen? Kif tista’ tgħin?
Soup Kitchen OFM Valletta
40, Triq Sant’Ursola
Valletta
VLT1233
Tel: 79227570
- APS: A/C 41286610023
- MT56APSB77013000000041286610023
- BOV: A/C 40024827012