Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Konsumatur maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kmieni illum, il-ħajja għoliet b'aktar minn sitt darbiet f'sena, bl-aktar żidiet notevoli fl-ikel u xorb mhux alkoħoliku.
Lulju tas-sena 2021 ra rata annwali tal-inflazzjoni ta' 0.3%, 6.5% inqas mir-rata annwali tal-inflazzjoni li qed jara Lulju ta' din is-sena b'6.8% b'kollox. Minkejja li l-ogħla rati ta' inflazzjoni annwali matul din is-sena kienu propju f'Lulju, Ġunju ma kienx wisq inqas minnu hekk kif ir-rata rreġistrata kienet ta' 6.1%. Dan ifisser li f'temp ta' xahar ir-rata ta' inflazzjoni reġgħet telgħet, b'0.7%.
L-istess ċifri juru li l-ogħla rati ta' inflazzjoni f’Lulju ġew irreġistrati fl-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (11.8%). Dan frott tal-prezzijiet ogħla fil-laħam u prodotti derivati mil-laħam. Din ir-rata kkontribwiet għall-ikbar impatt fl-inflazzjoni annwali b'2% f'temp ta' xahar.
Għaldaqstant, it-tieni l-ogħla rata kienet irreġistrata fid-Djar, l-ilma, l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra (9.2%) iżda din kienet it-tielet l-ikbar impatt b'0.88% iktar minn Ġunju tal-2022. It-tieni l-ogħla impatt fuq l-inflazzjoni ġie nnotat fis-settur tar-ristoranti u l-lukandi b'rata ta' 6.1% u għalhekk 1.29% aktar minn Ġunju tal-2022.
L-inqas rati ta’ inflazzjoni annwali kienu rreġistrati fix-xorb alkoħoliku u t-tabakk (1.4%) u l-Komunikazzjoni (1.4%). Minkejja dan, l-ebda roħs fil-prezzijiet ma ġie reġistrat f'ebda settur.