Ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ dawl għas-Santwarju Bażilika tal-Mosta magħrufa aħjar mal-Maltin bħala r-Rotunda. L-inawgurazzjoni saret waqt serata organizzata quddiem il-Bażilika stess u li matulha inxtegħlet għall-ewwel darba s-sistema ta’ dawl, li hija mfassla biex toħroġ aħjar l-elementi arkitettoniċi li din il-knisja hija mżejna bihom.
Id-disinjatur artistiku tal-proġett, Franck Franjou, spjega li għall-kuntrarju tas-sistema l-antika, id-dawl ġdid huwa aktar effiċjenti fil-konsum tal-elettriku u għalhekk jiġġenera inqas tniġġis. Id-dawl ġdid huwa kkontrollat permezz ta’ sistema ċentralizzata, b’mod li jista’ jinbidel skont il-ħin u l-okkażjoni.
Dan il-proġett sar b’investiment mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Il-membru fil-bord tal-Gvernaturi tal-NDSF James Grech qal li l-investiment soċjali ta’ €850,000 għandu l-għan li jżid il-valur storiku, kulturali u artistiku tal-binja.
L-iskop ewlieni li l-fond jikkontribwixxi lejn proġetti ta’ importanza nazzjonali dejjem tkun sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u ta’ dawk futuri.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Mosta Chris Grech, qal li monumenti ta’ valur storiku, arkitettoniku u kulturali jeħtieġu investiment kontinwu biex jinżammu fi stat dinjituż, u għalhekk jiġi mħares il-patrimonju Malti. Spjega kif ir-Rotunda hija apprezzata mhux biss mill-komunità Mostija, imma mill-poplu Malti kollu u l-ammont kbir ta’ turisti.
L-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana esprima sodisfazzjon għall-fatt li din il-ħolma ta’ bosta saret realtà. Irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f’dan il-proġett, inkluż il-voluntiera tal-parroċċa stess.
Żied jgħid li dan il-proġett se jżid is-sens ta’ komunità, mhux biss fost min jipprattika l-fidi, iżda wkoll fost min japprezza l-valur artkitettoniku nazzjonali.
Il-Membru Parlamentari Alex Muscat, li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern, qal li l-proġett se jagħti d-dinjità mistħoqqa lil waħda mill-aktar koppli kbar fl-Ewropa u fid-dinja.
Żied ukoll li b’investiment xieraq, ir-Rotunda tal-Mosta se titgawda ferm aktar minn kull min iżurha u kull min jaraha mill-bogħod. Hawn semma kif din tiġbed ammont kbir ta’ turisti u fl-aħħar snin żaruha qrib il-miljun turist f’sena waħda.