Iż-Żejtun: Storja ta' belt u ta' tradizzjonijiet

Min huma l-personaġġi Maltin li ħarġu miż-Żejtun? X’inhuma l-avvenimenti li ħasdu lir-raħal? X’wirt ħallew warajhom iż-Żwieten tal-passat? L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Ruben Abela mill-għaqda Wirt iż-Żejtun u tagħti ħarsa lejn il-kuluri ta' Ċitta Beland  

Bi kważi 11,500 resident, iż-Żejtun li hija magħrufa wkoll bħala Ċitta Beland, hija waħda mill-aktar ibliet Maltin b’karatteristiċi tradizzjonali. Minn faċċati arkitettoniċi għal kappelli varji madwar il-belt, iż-Żejtun hija magħrufa għall-festa tar-raħal ta’ Santa Katarina - u r-rivalità bejn il-baned - Żejt iż-Żejtun kif ukoll għall-ċelebrazzjonijiet reliġjużi oħra bħalma huma Ħadd il-palm, il-Ġimgħa l-Kbira u Ħadd il-Għid fuq iz-zuntier tal-Knisja.  

Iżda min huma dawk li bnew iż-Żejtun? It-tradizzjonijiet minn fejn ġejjin? X’inhu dak li jikkaratterizza liż-Żwieten, bħala ż-Żwieten li nafuhom illum? Propju fuq hekk l-ILLUM tiltaqa’ mal-Perit Ruben Abela, il-President ta’ Wirt iż-Żejtun, għaqda volontarja li nibtet sforz l-imħabba lejn din il-belt.   

Min huma l-aktar personaġġi li se jibqgħu mfakkra?  

Abela saħaq li ż-Żejtun għanda bosta karattri ikoniċi u ta’ min wieħed jibqa’ jiftakarhom. Fil-fatt fost dawn, Abela għamel referenza għal Klement Tabone, “li kien mexxa t-taqbida kontra t-Torok fl-1614,  fit-tarf taż-Żejtun, fl-inħawi ta’ Buleben.”  

Fost il-lista ta’ personaġġi huwa semma wkoll lil Michele Cachia li kien arkitett u politiku. Huwa saħaq li l-arkitett ħadem taħt tliet saltniet, tal-Ordni ta’ San Ġwann, fi żmien tal-Franċiżi kif ukoll tal-Ingliżi.  

Abela jirrakkonta li Cachia, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, kien mexxa d-distrett taż-Żejtun. “Fil-fatt hemm l-istorja ta’ kif inħatar b’mod unanimu bħala mexxej fuq iz-zuntier u għażluh biex imexxihom waqt it-taqbida.” Min-naħa l-oħra jgħid li waqt l-imblokk bena numru ta’ trunċieri u postijiet ta’ difiża. Fiż-żmien meta l-Ingliżi kienu Malta, Michele Cachia ħadem bħala arkitett.  

“Hemm persuni li ħadmu anke qabel is-seklu 16 u 17. Kien hemm Isqof partikolari li kien anke appuntat mill-Vatikan bħala rappreżentant tal-Knisja, f’diversi missjonijiet,” qal Abela.  

Aktar tard maż-żmien, kien hemm diversi artisti li kienu għamlu skulturi u pitturi fosthom Xandru Farrugia li ħadem xogħol ta’ skultura u statwi fosthom dik ta’ Santa Marija tal-Imqabba, ta’ San Pawl ta’ Ħal Safi u ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien, fost oħrajn.  

Abela jgħid li persuna li kienet aktar qrib iż-żminijiet tagħha kien il-kompożitur tal-mużika sagra Carlo Diacono, li “fil-jiem tal-festi fis-sajf ħafna mill-mużika li tindaqq fil-knisja, minbarra dawk ta’ kompożituri oħra, hija ta’ Diacono.”  

'Iż-Żejtun hija magħrufa bħala belt l-għanneja' 

Minn rakkonti dwar il-personaġġi li sawwru l-istorja tar-raħal għal diskursata fuq l-għana. Issa Abela jgħid lill-ILLUM li ż-Żejtun hija magħrufa bħala l-belt tal-għanneja tant hu hekk li skontu, minnha ħarġu fost l-aqwa għanneja ta’ Malta.  

Jgħid li l-għana kienet xi ħaġa ħajja u ma kienx hemm distinzjoni bejn il-ġeneri għax kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel kienu magħrufa għall-għana. Dan b’mod partikolari għall-għana tal-banju jiġifieri l-għana waqt li jkunu qed jaħslu.  

“Ħafna drabi kienet tkun għana li jizzikaw lil xulxin bħala ġirien u mhux l-ewwel darba li kienu jispiċċaw ħażin,” qal b’daħka fuq wiċċu.  

Huwa jisħaq li fl-aħħar l-għana ġiet rikonoxxuta bħala wirt dinji mill-UNESCO bħalma ġiet rikonoxxuta l-ftira Maltija. Dan għaliex, l-għana mhix xi ħaġa folkloristika biss iżda hija wirt intanġibbli. Mingħajr tlaqliq huwa jgħid ukoll li issa jinsab ħerqan u jħares ‘il quddiem biex jiġu rikonoxxuti wkoll il-festi, tant għall-qalb il-Maltin.  

Mistoqsi minn huma l-aktar għannejja sinonimi huwa saħaq li “mhux se nsemmi ismijiet għax nonqos jekk ninsa lil xi ħadd.” Madankollu jgħid li din is-sens ta’ imħabba għall-għana għadha ħajja fiż-Żejtun u għad hemm bars u każini fejn jagħmlu attivitajiet tal-għana.  

“Filgħodu tisma’ l-għannejja jingħaqdu fil-garaxxijiet biex jgħannu. Nittamaw li din it-tradizzjoni tiġi priservata u jkollna aktar żgħażagħ li jinvolvu ruħhom aktar fiha biex dan il-wirt ma jintilifx,” saħaq Abela.  

Bomba fiz-zuntier taż-żejtun toqtol 28 persuna 

Abela jirrakkonta li nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju fl-1942 ftit snin qabel ma temmet it-Tieni Gwerra Dinjija, eżatt malli spiċċat il-quddies ta’ filgħodu u n-nies kienu ħerġin mill-Knisja, jaqgħu butterfly bombs fuq iz-zuntier.  

Dawn it-tip ta’ bombi jinżlu bil-mod u meta jinżlu mal-art jisparaw u jtajjru biċċiet tal-ħadid minn ġewwa fihom. “Dawn tefugħhom fiz-zuntier tal-pjazza u laqtu diversi persuni, fil-fatt mietu 28 persuna,” qal Abela.  

Ftit metri ‘l bogħod, fi Triq Santa Katarina, kantuniera ma’ Misraħ ir-Repubblika hemm lapida li tfakkar dawn il-vittmi u li saret għeluq il-25 sena mit-traġedja. “Diversi rħula għandhom ġrajjiet sfortuntati… ta’ kull sena l-Kunsill Lokali jiltaqa’ quddiem il-lapida u jqiegħed kuruna tal-fjuri,” żied jgħid Abela.  

‘L-għadam kienu ta’ nisa mill-Afrika, li nobbli Żwieten kienu xtrawhom mill-iskjavitu’ 

F’waħda mill-knejjes taż-Żejtun, dik ta’ San Girgor, fl-1966 kien qiegħed isir xi xogħol fuq il-bejt tal-kappella meta nstab passaġġ għal ġol-ħitan tal-Knisja.  

“Kif niżlu fid-dlam instabu numru ta’ skeletri ġo kurutur. Mill-ewwel nibtet il-ġrajja li dawn setgħu kienu żwieten li nqabdu f’dan il-passaġġ fl-aħħar qbid tat-torok. L-istorja kienet li ħarquhom it-torok jew qatluhom u difnuhom hemm u ovvjament baqgħu hemm. Saħansitra Walter Zahra kien kiteb ballata marbuta ma’ din il-ġrajja,” kompla jgħid Abela.  

Tul is-snin saru wkoll studji xjentifiċi fuq l-għadam minn żewġ akkademiċi fl-Università ta’ Malta u minn dawn irriżulta li l-għadam ma jikkorrispondux man-numru ta’ nies. Dan ifisser li jekk kien hemm 35 kranju, sabu numru kompletament differenti ta’ għadam tas-saqajn. Apparti minn hekk kienu sabu vertibri, parti mis-sinsla tad-dahar, li kellu l-ħamrija u għalhekk ġie iddeterminat li dawn kienu midfuna ximkien ieħor u ġew maqlugħa mill-post.  

Madankollu jgħid li dan l-istudju ma twemminx u n-nies baqgħu jemmnu l-ġrajja tat-torok. Lura fl-2016, f’għeluq il-50 sena minn meta nstabu dawn il-fdalijiet, l-għaqda bagħtet kampjuni tal-għadam barra minn Malta, bl-għajnuna ta’ Heritage Malta u s-Sovvratendenza għall-Wirt Kulturali,  u sar il-carbon dating tagħhom. 

“Minn hemm sirna nafu li ż-żmien li dawn is-seba’ kampjuni kienu ta’ persuni li ġejjin minn perjodi differenti. L-eqdem minn dawn kien tas-seklu 15 u l-aktar qrib kienu s-sekli 18 u 19. B’hekk żgur li dawn ma mitux f'daqqa,” saħaq Abela.  

Fl-aħħar huwa qal li aktar tard arkeologu li taħdem mas-Sovvratendenza u li kompliet tistudja dan l-għadam, Deborah Camilleri, sabet li ħamsa mill-kranji kienu ta’ nisa mill-Afrika.   

“Dan jispjega l-fatt li lura fis-seklu 18 nies nobbli miż-Żejtun kellhom skjavi, li kienu jixtruhom mill-iskjavitù u jaddottawhom bħala parti mill-familja bħala sefturi. Dak iż-żmien saħansitra kienu jgħammduhom u jagħtuhom difna nisranija,” temm jgħid Abela

Żejt iż-Żejtun b'ritorn wara sentejn

Tajjeb li nfakkru li din il-ġimgħa se nerġgħu naraw ir-ritorn ta' Żejt iż-Żejtun, tradizzjoni li permezz tagħha tilqa' ħafna Maltin f'din il-belt. Żejt iż-Żejtun, b'organizzazzjoni liema bħala mill-kunsilliera, mhux biss ikun hemm diversi mwejjed tal-ikel iżda wkoll attivitajiet għat-tfal biex jitgħallmu aktar fuq belthom. F'intervista oħra ma' Abela huwa saħaq li dan l-avveniment m'għandux ikun biss għall-ikel tradizzjonali iżda għanda sservi ta' esperjenza biex residenti Żwieten jitgħallmu aktar fuq l-għeruq tagħhom. 

More in Socjali