85,000 persuna ħonqu l-Belt Kapitali lbieraħ għan-Notte Bianca
Suċċess kbir għall-ħmistax-il edizzjoni ta’ Notte Bianca, hekk kif wara sentejn ta’ nuqqas il-poplu Malti attenda bi ħġaru
minn Albert Gauci Cunningham
Suċċess kbir għall-ħmistax-il edizzjoni ta’ Notte Bianca, hekk kif wara sentejn ta’ nuqqas il-poplu Malti attenda bi ħġaru. Festivals Malta, l-organizzatur ta’ dan il-festival annwali, issupera kull aspettattiva kemm fl-organizzazzjoni, kif ukoll fil-kwalità tal-produzzjonijiet preżentati.
Din is-sena attendew madwar 85,000 persuna, numru rekord għal Notte Bianca, li kienet pjattaforma għal ’l fuq minn 50 attività li biex ittellgħat kien hemm kru ta’ iktar minn 300 ruħ u madwar 548 artist.
Il-programm ta’ din is-sena kien imqassam fuq 7 rotot marbuta ma’ diversi forom ta’ arti. L-akbar rotta kienet ċertament dik tal-mużika fejn kien hemm madwar 20 proġett ta’ ġeneri diversi maqsuma bejn 7 palkijiet, knejjes, teatri u mużewijiet.
Il-proġett interessanti ħafna li kellha Notte Bianca ta’ din is-sena kien UNight li kien jikkonsisti minn kollaborazzjoni bejn artisti lokali, u artisti b’oriġini Mediterranja, Afrikana u Għarbija li taw prestazzjoni multidixxiplinarja fil-Gran Salon ġewwa l-Mużew tal-Arkeoloġija. Dan il-proġett iċċelebra l-għaqda fid-diversità.
Għall-Belt, l-istallazjoni tal-karozzi tal-linja tradizzjonali, kienet waħda tassew unika li qanqlet ħafna nostalġija. Dawn il-karozzi ma kienux biss dekor fi Pjazza Tritoni imma kienu narti minn proġett li jibni fuq l-istorja li dawn stess iġorru magħhom u servew ta’ palk għal diversi produzzjonijiet teatrali u taż-żfin.
Fil-Berġa ta’ Aragona kien hemm ukoll proġett li għaqqad l-għana tradizzjonali Malti f’fużjoni mar-ritmu tal-flamenco. Dan il-proġett kien frott ta’ kollaborazzjoni bejn għannejja Maltin u kumpanija taż-żfin lokali li tispeċjalizza fi żfin ta’ dan il-ġeneru. Dan sar b’investiment lejn il-wirt kulturali Malti sabiex jinżamm ħaj u relevanti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr kif wara nuqqas ta’ sentejn, irritornat bi kbir in-Notte Bianca. “Avveniment li fih komplejna nesebixxu u niċċelebraw il-kultura Maltija, fil-forom differenti tagħha, f’diversi avvenimenti speċjali għall-Belt Valletta," qal Bonnici.
Iċ-chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li “s-suċċess tan-Notte Bianca 2022 juri biċ-ċar kemm il-poplu Malti għandu għal qalbu l-arti u l-kultura ta’ pajjiżna. Grat għall-impenn li Festivals Malta uriet fil-ħidma tagħha sabiex in-Notte Bianca ta’ din is-sena tkun tassew waħda grandjuża wara nuqqas ta’ sentejn. Inħarsu ’l quddiem lejn aktar avvenimenti li jkomplu jsawru l-kultura ta’ pajjiżna.”
Id-Direttur Artistiku Antoine Farrugia spjega li “f’din l-edizzjoni tan-Notte Bianca komplejna nibnu fuq l-edizzjonijiet preċedenti kemm fejn jidħol il-livell tal-proġetti ppreżentati, kif ukoll in-numru ta’ attivitajiet. Ħafna mill-proġetti huma maħluqa flimkien mal-artisti speċifikament għan-Notte Bianca u mhumiex proġetti li ħa tarhom xi mkien ieħor. Din is-sena ħassejna li kien iktar importanti mis-soltu li nieħdu ħsieb l-udjenzi u l-artisti tagħna għaliex dawn l-aħħar sentejn kienu iebsin għal kulħadd.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala spjegat li l-festival ta’ Notte Bianca huwa wieħed mill-ikbar li torganizza din l-aġenzija speċjalment minħabba l-fatt li jsiru għadd kbir ta’ attivitajiet f’post wieħed, f’lejla waħda. “Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma bla heda tal-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta, il-ħaddiema tekniċi, u mingħajr is-sapport ta’ entitajiet bħal Heritage Malta, il-Kunsill Lokali tal-Belt, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, is-St John Ambulance, Transport Malta, il-LESA, u l-Awtorità tal-Artijiet”, temmet tgħid is-Sa Stivala.