F’konferenza tal-aħbarjiet il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li mis-17 ta' Ottubru se jibda' t-tilqim kontra l-influwenza u l-varjant tal-Covid-19 Omicron. Huwa spjega li din is-sena l-professjonisti mediċi qed jistennew li jaraw każi ta' H3N2, jiġifieri tip ta' influwenza li fis-snin ta' qabel wasslet biex aktar nies iddaħħlu l-Isptarijiet ta' Malta u Għawdex.
Għaldaqstant huwa appella biex in-nies jitlaqqmu kontra dan it-tip ta' influwenza, speċjalment fid-dawl tal-fatt li t-tilqima għad-dispożizzjoni tagħna tiġġieled l-H3N2.
“Ingħatajna l-parir li mat-tilqima tal-influwenza nagħtu t-tilqima għall-Covid 19. Il-Covid 19 m’għadiex pandemija iżda huwa importanti li t-tilqima tibqa' tittieħed kull sena għax bħalma jiġri fl-influwenza, li naraw tipi differenti tagħhom, l-istess jiġri bil-Covid 19,” spjega Fearne.
Il-Ministru saħaq li t-tilqima li għandha Malta hija immirtata biex tipproteġi kontra tip tal-vajrant Omicron, “mhux għax dik ta’ qabel ma kinitx taħdem, iżda din ta’ llum taħdem speċifikament kontra t-tip ta’ virus li għandna bħalissa.”
Intant il-Ministru Fearne saħaq li bħalissa għaddejin il-preparamenti biex ikun hemm aktar soddod, inkluż permezz ta' rinovar ta' sala fl-Isptar Boffa.
Meta tista’ titlaqqam kontra l-influwenza u l-Omicron?
Persuni meqjusa vulnerabbli u għaldaqstant persuni akbar minn 55 sena, persuni b’mard kroniku, persuni li jaħdmu jew jgħixu f’istituzzjonijiet, tfal li għandhom bejn ħames xhur u ħames snin u nisa tqal għandhom iċ-ċans li jitlaqqmu bejn is-17 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Ottubru.
Intant it-tilqim għall-pubbliku ġenerali jibda mill-31 ta’ Ottubru. Fearne spjega li min jixtieq jitlaqqam kontra l-Covid-19, jista' jieħu ż-żewġ tilqim fl-istess ġurnata. Dan ifisser li persuna tieħu tilqima fuq kull id.
Intant huwa fakkar li apparti ċ-ċentri tas-saħħa madwar Malta, it-tilqim se jingħata b’xejn:
- Fil-Belt Valletta
- Fil-Hamrun
- Fil-Mellieħa
- F’Ħ’Attard
- Fil-Berġa ta’ Marsaskala
- Fil-Berġa’ ta’ Tas-Sliema
- Fil-Kalkara
- Fin-Naxxar
- F’Ħad-Dingli
- F’Marsaxlokk
- F’Ħal Tarxien
- F’Ħaż-Żabbar
- F’Ħal-Għaxaq
- Fil-Pietà
- F’Ta’ Xbiex
- Fil-Gudja
- F’Santa Luċija
- Fil-Fgura
- Fix-Xewkija Għawdex u
- Fil-Berġa ġdida li se tinfetaħ fiż-żmien li ġej, fl-Għarb Għawdex.