"Silvio f'ħajtu għażel il-politika biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi... Biex tkun viċin in nies, trid tkun qrib in-nies u dak li kien Silvio, raġel b'qalb kbira li dejjem għen." Hekk kienet tgħid parti żgħira mill-eloġju mistħoqq mogħti llum lill-eks Deputat Laburista Silvio Parnis fil-Bażilika ppakkjata sa ruħ ommha, f'Raħal Ġdid.
"Min jaf kemm-il persuna ibbenefikat mill-ġenerozità tiegħu. Sal-aħħar nifs ta' ħajjtu kompla jkun bniedem tal-poplu u għall-poplu," qal lill-kongregazzjoni l-konċelebrant - Fr. Joseph Mizzi. Huwa faħħar lil Parnis għall-ħidma tiegħu fil-qasam tal-anzjani u sostna li f'Silvio jara bniedem ta' formazzjoni Nisranija li trawwem f'familja b'valuri Nsara.
Parnis ħalla din id-dinja fl-età ta' 57 sena. Kienu diversi nies li esprimew is-sogħba tat-telfa tal-eks-Deputat Laburista. Parnis kellu karriera twila fil-politika li tmur lura 25 sena. Tul ħajtu Parnis kien ukoll health supervisor kif ukoll assistent social worker fi ħdan San Vincez de Paul. Huwa kien iħobb ħafna l-volontarjat, jgħin lin-nies b'mod speċjali lill-anzjani. Saħansitra riċentament kellu programm jismu 'Familja Waħda' biex jagħti spazju lill-anzjani - speċjalment dawk li jgħixu waħedhom - biex jitkellmu u jiftħu qalbhom.
Maħbub minn bosta nies, huwa ġie deskritt diversi drabi bħala raġel ta' qalb kbira, soċjalist kbir u politiku tan-nies.
Il-mara tiegħu talbet biex għall-funeral ma jintlibisx iswed għaliex kif kien jgħid Parnis stess "dawk ħafna teatrini u ċerimonji żejda." Għaldaqstant qiegħed jintalab li jintlibes l-abjad, il-griż u anke n-navy blue.