‘Missieri kien jgħidli li jrid jixgħel il-TV biex jarani’

Lil Simone Cini, mhux l-ewwel darba li rajniha fuq xi programm Televiżiv. Għal min jiftakar ukoll Simone Cini kienet ġurnalista, b’interess partikolari fil-politika. Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ diversi nisa minn professjonijiet differenti fosthom Simone Cini, Alessanda Crespo u Dott Angele Deguara... 

Lil Simone Cini, mhux l-ewwel darba li rajniha fuq xi programm Televiżiv. Għal min jiftakar ukoll Simone Cini kienet ġurnalista, b’interess partikolari fil-politika. Din il-gazzetta tkellmet ma’ diversi nisa minn professjonijiet differenti u waħda minn dawn kienet Cini.  

Cini tfakkar lill-ILLUM fil-karriera ġurnalistika tagħha u li għalkemm kienet imqanqla minn ħafna xogħol ġurnalistiku impenjattiv, titkellem ukoll dwar il-pressjoni li jaffaċċjaw il-ġurnalisti nisa, l-intimidazzjoni u dwar l-importanza li jingħataw is-sostenn.  

Il-midja Maltija kienet u għadha iddominata mill-irġiel. Tant hu hekk li l-maġġoranza tal-edituri huma irġiel. Kif tirreaġixxi għal dan?  

Qabel xejn jiena tlaqt minn ġol-Kamra tal-Aħbarjiet fl-2000. Matul is-snin kont nippreżenta numru ta’ programmi inkluż Bondiċini. Illum jiena naħdem bħala preżentatriċi u producer tal-programmi tiegħi stess.  

Naturalment ċertu ħinijiet tal-edituri huma ħinijiet twal ħafna. Meta kont naħdem fil-kamra tal-aħbarjiet, l-editur kien jibqa’ jaħdem sas-Sibt filgħaxija, sakemm tingħalaq il-gazzetta. Jekk persuna jkollha l-familja, il-ħinijiet tagħha jridu jkunu flessibbli u jekk persuna ma jkolliex sistema ta’ sostenn madwarha b’partner li jaħdem ħinijiet flessibbli u forsi l-ġenituri li jistgħu jieħdu ħsieb l-ulied tkun aktar diffiċli minħabba r-responsabilità illi tirrikjedi.  

Meta tkun omm, taħdem ħinijiet flessibbli jew le, xogħlok dejjem irid isir. L-irwol ta’ omm dejjem hemm jibqa’ u għalhekk importanti li f’kull impjieg, il-mara – jekk tkun omm – ikollha sostenn tajjeb.  

Id-dehra ta’ mara taħseb li tiġi skrutinizzata aktar minn dik ta’ raġel, speċjalment dawk tal-ġurnalisti u preżentaturi fix-xandir?  

Sfortunatament iva. Għal ħafna l-ewwel li tiekol hija l-għajn u din titfa’ ħafna pressjoni fuq in-nisa li jaħdmu fil-midja.  

Filwaqt li llum naraw li anke l-irġiel jieħdu ħsieb tad-dehra tagħhom, għal ħafna, l-personalità ta’ raġel tkun biżżejjed u ma jagħtux daqstant każ ta’ kif jidhru. Min-naħa l-oħra mara jkollha ċertu elementi li jridu jkunu hemm u sa issa kienu ftit nisa li rnexxielhom jmorru kontra din il-mentalità.  

Il-ġurnalist ikollu ħafna ostakli f’xogħlu. Taħseb li dawn l-ostakli jkunu akbar għall-ġurnalisti nisa, fosthom aktar intimidazzjoni jew kummenti ta’ mibgħeda mill-pubbliku? 

Jiena kont l-ewwel impjegata tas-Super One u kienet xi ħaġa verament ġdida. Fil-fatt is-Super One kien l-ewwel stazzjon politiku, imbagħad eventwalment rajna l-introduzzjoni tan-Net TV. Għaldaqstant ma kinitx faċli illi tkun ġurnalista tiġri wara l-politiċi, bħalma kont nagħmel jiena. Dak iż-żmien fil-fatt kont immur fuq l-eks Prim Ministru u President ta’ Malta Eddie Fenech Adami biex nistaqsih xi mistoqsijiet, fost persuni oħra. Dak iż-żmien konna inkunu ħafna ‘hands on’ u kienet kważi l-ewwel darba li rajniha din f’pajjiżna, mingħajr ma’ inneħħi x-xogħol li kienu jagħmlu l-ġurnalisti Anna Bonanno u Ruth Amaira.  

Mill-1994 – meta twaqqaf is-Super One – sal-1996, meta twaqqaf it-tieni stazzjon politiku kont l-ewwel ġurnalista fuq bażi full time u l-ewwel mara li kont naqra l-aħbarjiet.  

Li tkun mara ma kinitx faċli iżda anke n-nisa stess kellhom ċertu animosità lejja. Jista’ jagħti l-każ ukoll illi peress li jien kont naħdem mas-Super One, filwaqt li n-nisa mill-kamp tal-Partit Laburista kienu jħobbuni, in-nisa tal-partit oppost ma kinux daqstant. Fl-aħħar minn l-aħħar jiena kont ġurnalista għall-politika fi żmien fejn kien hemm firda kbira bejn iż-żewġ partiti.  

Tikkunsidra terġa’ tidħol għall-ġurnaliżmu?  

Le, speċjalment bħala ġurnalista fuq il-politika. Dak iż-żmien ma kellix tfal ukoll u ma kellix ħinijiet, naħdmu kemm ikun hemm bżonn. Fil-fatt missieri kien jgħidli, “biex narak irid nixgħel it-televiżjoni.” Illum nipproduċi l-programmi tiegħi stess, bil-kumidità.   

‘Il-Knisja mhux qed tonqos lill-mara għax ma tistax issir qassis. Kulħadd għandu rwol’

L-ILLUM tkellmet ma' Alessandra Crespo fuq l-irwoli tagħha bħala attivistà kif ukoll bħala membru ċentrali tal-Knisja. 

Bħala l-ewwel mara li studjajt u li għandek passjoni kbira lejn ir-reliġjon, kif tirreaġixxi għall-fatt li n-nisa ma jistgħux isiru qassisin, speċjalment fid-dawl tan-nuqqas ta’ persuni li għandhom interess li jsiru qassisin?  

Jien kont l-ewwel mara li għamilt kors iddiżinjat għall-kandidati tas-saċerdozju u meta sirt naf b’dak il-kors għidt “għala le?” Sintendi, jien ma’ iddispjaċinix li ma sirtx qassis għax qatt ma kelli dik ix-xewqa u ma studjajtx għax kont qed inħoss xi nuqqas f’ħajti.  

It-tagħlim huwa miftuħ għal kulħadd. Jiena persuna li qatt ma rajt l-irwoli li ma nistax nagħmel anzi b’dak li naf, b’li studjajt u bit-talenti li ġejt mogħnijja bihom ħarist biss lejn dak li jien nista’ nagħmel. Jekk wieħed iħares lejn il-limitazzjonijiet biss, aktar milli l-irwoli li wieħed jista’ jilħaq, jipparalizza lilu nnifsu u jispiċċa’ ma jwettaq xejn fil-ħajja. Jiena nemmen li kulħadd għandu rwol fis-soċjetà, inkluż fil-Knisja.  

Jekk wieħed iħares lejn is-saċerdozju bħala rwoli li jista’ jilħaq, bħal pereżempju ta’ qassis, isqof jew arċisoqof, inkun qed iħares lejn l-irwoli tas-soċjetà minn angolu ħażin. Fl-aħħar minn l-aħħar huwa s-servizz li jingħata li huwa ta’ aktar importanza.  

Jekk mara tħoss li l-Knisja qed tonqosha għax mhux qed tlaħħaqha bħala qassis, dik hija attitudni ħażina. Is-saċerdozju huwa għotja u servizz li qed jingħata lil poplu ta’ Alla u li persuna sservi biex taqdi l-missjoni tagħha. 

Kull mgħammed għandu rwol x’jaqdi fil-Knisja. Li persuna jiddispjaċiha li ma tistax tilħaq fl-irwol ta’ qassis, jekk din hija l-ambizzjoni tagħha, tkun qed taħli l-ħin għax kull rwol fil-Knisja, ikun xi jkun, huwa servizz importanti.  

Tajjeb li nsemmi wkoll illi bħala nisa fil-Knisja, hemm ħafna persuni fit-tmexxija.  

X’inhu l-irwol tiegħek fil-knisja?  

Ilni naħdem fil-Knisja għal żmien twil, mill-1990 u kont waqaft sena biex ikun verament ċerta li x-xogħol li kont qed nagħmel fil-Knisja huwa għax kont konvinta minnu u mhux għax kont komda li nagħmlu. Fil-fatt għamilt sena naħdem ġewwa skola u kont għal qalbi immens, però dejjem ħassejt il-ġibda biex nerġa’ nagħti kontribut fil-Knisja. Il-Knisja għandha l-ordinament ġuridiku u għaldaqstant għandha t-tribunali tagħha li joqgħodu għal-liġi tal-pajjiż.  

L-irwol tiegħi f’dan il-każ huwa tal-Kanċillier fit-tribunal tal-appell. F’Malta l-Knisja għandha tliet tribunali. 

Tara kunflitt fl-irwol tiegħek bħala attivista mal-irwol tiegħek fil-knisja?  

L-ewwel lealtà tiegħi tibqa’ lejn il-Knisja. Jiena ma nara l-ebda kunflitt bejn iż-żewġ rwoli għax huma xhieda tat-twemmin tiegħi. Bħala ċittadini lkoll għandna l-irwol u d-dover li nikkontribwixxu fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżna.  

Li wieħed jipparteċipa fil-ħajja pubblika ma jfissirx li jivvota darba kull ħames snin jew meta jaslu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Kull ċittadin għandu l-obbligu u d-dover li jkun ċittadin responsabbli.  

Jien bħala mgħammda għandi d-doveri li nagħti xhieda ta’ prinċipji evanġeliċi universali: Il-verità, il-ġustizzja u l-ugwaljanza. L-aktar nies li jaraw kunflitt mhumiex dawk li ma jemmnux fil-Knisja, iżda min jemmen għaliex għadhom ma immaturawx fil-fidi tagħhom. Il-fidi ma tingħalaqx fil-Knisja u l-obbligi tiegħek, bħala persuna li temmen, ma jiqfux fuq it-tarġa taz-zuntier.  

Jekk hemm persuna li taħseb li tmur il-quddies u tagħti l-karità huma biżżejjed, mhumiex. Hemm min qiegħed jeżerċita l-obbligi tiegħu fi sferi differenti tas-soċjetà. Jien inzertajt li qed nagħmel dan permezz tal-attiviżmu. Tajjeb li nsemmi wkoll illi l-Knisja hi parti mis-soċjetà ċivili u għalhekk ma nistax nemmen u nifhem kif hemm min jgħid illi l-Knisja m’għandhiex dritt li tindaħal. Anzi, il-Knisja hi obbligatà għax hi wkoll tagħmel parti mis-soċjetà ċivili.  

Hemm ħafna persuni li jixtiequ gwida mill-Knsija fuq ċertu kwistjonijiet. Jekk ma tkunx qed tagħmel dan, tkun qed tonqos.   

‘Sakemm jibqa’ l-iżbilanċ bejn is-sessi, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Mara jibqgħu validi’ 

L-ILLUM tkellem ukoll lil-lettur u l-attivista Dott. Angele Deguara fuq is-sinifikat ta’ Jum il-Mara, għaliex il-mestruwazzjoni għadu taboo u s-soċjetà Maltija, deskritta minnha bħala tradizzjonali ...  

Riċentament tressqet il-proposta ta’ menstrual leave u ħafna ħadu xokk. Il-mestruwazzjoni, li hija xi ħaġa daqstant normali, għaliex għadha meqjusa bħala taboo u x’jirrifletti dan fuq is-soċjetà tagħna?  

Hawn nisa li jbatu sew minħabba ċ-ċiklu mestruwali tagħhom. Kummenti negattivi li jmorru kontra l-introduzzjoni tal-menstrual leave juru biċ-ċar li:  Jew saru minn nisa illi ma jgħaddux minn l-istess tbatijja jew inkella isiru minn irġiel li ma jkunux sensittivi u ma jimpurathomx minn affarjiet li jgħaddu minnhom in-nisa.  

Irridu ngħidu wkoll illi r-reazzjoni kontra din il-proposta ġiet ukoll minħabba l-fatt illi din hija xi ħaġa ġdida u n-nies iridu jaġġustaw aktar għaliha.  

Kien hemm persuni wkoll li għamlu referenza għall-abbużi li jistgħu isiru. Filwaqt li huwa minnu li jista’ jkun hemm min jabbuża, b’din l-istess mentalità l-Gvern jista’ ma jintroduċi l-ebda miżura, għaliex l-abbuż f’kollox jista’ jkun. Eżempju ta’ dan huwa li persuna tista’ tabbuża bis-sick leave.  

Issa li qed naraw lill-mara tipparteċipa aktar fid-dinja tax-xogħol, x’impatt ħalla fuq il-mara tad-dar? Kien hemm shift ta’ kif is-soċjetà tħares lejn il-mara tad-dar, speċjament meta wieħed iqis kemm hawn nisa li qed jagħżlu li jaħdmu?  

In-nisa jiġu iġġudikati aktar meta jkun hemm it-tfal żgħar involuti, għaliex dawk huma l-isterjotipi li dejjem taffaċċja l-mara. Jiena nemmen bi sħiħ li l-qofol ta’ kollox huwa l-għażla. L-għażla għandha tkun kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.  

Eżempju ċar ta’ dan huwa jiena stess. Jiena dejjem għażilt li nibqa’ naħdem anke meta kelli t-tfal mentri r-raġel tiegħi, kieku kellu l-għażla, kien jippreferi illi jibqa’ d-dar.  

Jiena nara li hemm bżonn ta’ policies aktar adegwati dwar il-bilanċ ta’ bejn il-ħajja u x-xogħol illi jiffaċilitaw l-għażla. Għaliex il-mara m’għandiex tagħżel li toqgħod id-dar?  

Hemm min jgħid illi qed issir ċertu pressjoni biex in-nisa joħorġu jaħdmu u jista’ jkun li dan huwa minnu, fuq livell soċjali. Nemmen ukoll illi l-pressjoni xorta tibqa’ iktar fuq ir-raġel, speċjlament jekk dan jagħżel li ma jaħdimx. L-għażla li persuna toqgħod id-dar, għandha tkun għat-tnejn.  

Illum il-ġurnata indrat aktar illi l-mara toħroġ taħdem. Minkejja dan, ir-riċerka tindika illi r-responsabilitajiet ta’ childcare u tindif xorta jibqgħu l-aktar tan-nisa, anke jekk l-irġiel qed jikkontribwixxu fix-xogħol tad-dar.  

Bħala soċjologu kif tara li s-soċjetà biddlet il-mod ta’ kif tħares lejn mara, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja?  

Pajjiżna għad għandu kultura tradizzjonali u Mediterranja. Għaldaqstant għadna nħarsu lejn ċertu affarjiet u kwistjonijiet minn lenti tradizzjonali.  

Dan narawh ukoll fil-fatt li pajjiżna għadu l-uniku fl-Unjoni Ewropea illi l-abort huwa projbit f’kull każ. Narawh ukoll fil-fatt li l-mara ħarġet taħdem fid-dinja tax-xogħol ħafna aktar tard, meta wieħed iqabbel ma’ pajjiżi oħra. Meta għamilt il-Masters tiegħi fl-1990, il-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol kienet ta’ 28%. Sintendi, fl-aħħar snin rajna żieda fil-parteċipazzjoni.  

F’Malta rajna aktar nisa minn irġiel illi gradwaw iżda fid-dinja tax-xogħol, din mhix riflessa. Jista’ jkun illi dan qed jiġri minħabba l-fatt illi koppja tiddeċiedi li tespandi l-familja tagħha. Għaldaqstant, b’kunsens taż-żewġ membri tal-koppja, il-mara qed tagħżel li tieqaf minn xogħolha, jew illi taħdem part-time. Din ma fiha xejn ħażin lanqas, iżda b’mod ġenerali qed naraw illi n-nisa jagħżlu li jwaqqfu l-karriera tagħhom aktar mill-irġiel.  

Apparti minn hekk tajjeb illi nsemmu li m’għandniex biżżejjed strutturi biex jagħtu sostenn lill-ġenituri, la lil mara u lanqas lil raġel. Fil-fatt meta mqabbel ma’ ċertu pajjiżi, il-leave tal-ġenituri (parental leave) huwa ħafna inqas minn ta’ pajjiżi oħra. Huwa tal-mistħijja! 

Xi jfisser Jum il-Mara għalik?  

Illum il-ġurnata ħafna jistaqsu: “Għalfejn għadna niċċelebraw Jum il-Mara jekk sar il-progress?”  

Għad hemm ħafna li ma japrezzawx kemm kien hawn nisa li ġew qabilna u li ġġieldu biex ħadu ċertu drittijiet li l-irġiel dejjem ħaduhom forgranted. Jum il-mara jibqa’ jkollu sinifikat qawwi għaliex in-nisa għadhom żvantaġġjati. Eżempju ta’ dan huwa meta naraw każi ta’ sessiżmu, il-kummenti dispreġġjattivi u r-rati ta’ nisa li jinqatlu mill-partners tagħhom, fost oħrajn.  

Għalkemm il-mara għamlet progress fl-aħħar snin, in-nisa u l-irġiel għadhom mhumiex fuq l-istess livell u qabel ma jkun hemm bilanċ, Jum il-Mara jibqa’ jkollu sinifikat mill-aktar qawwi.  

More in Socjali