'Ħamallaġni u bluha' - Esperti fix-xandir jgħidu tagħhom dwar Love Island Malta
'Trash TV' u 'Sensazzjonali'... Possibli m'għandu xejn tajjeb dan il-programm? Dakinhar li xxandar l-ewwel episodju, aktar minn 160,000 persuna kienet lesta tiekol il-popcorn quddiem it-TV. Minkejja l-popolarità mhux kulħadd ogħġbu. X'kellhom xi jgħidu Ġorġ Mallia, Pierre Portelli, Jason Micallef u Peppi Azzopardi?
minn Matthew Farrugia
Love Island Malta bla dubju kien is-suġġett ta’ diversi konverżazzjonijiet bejn ħbieb, familji u kollegi din il-ġimgħa, hekk kif dan il-programm ġdid bla dubju sab ruħu fuq it-televiżjoni ta’ numru kbir ta’ djar madwar Malta u Għawdex.
Hekk kif numru sinifikanti ta’ Maltin se jkunu qed isegwu dan il-programm ġdid, l-ILLUM staqsiet erba’ esperti magħrufa fix-xandir, b’uħud minnhom jikkritikaw il-kunċett tal-programm innifsu, u oħrajn ma jaqblux li dan għandu jixxandar fuq il-PBS. Li hu żgur huwa li dan il-programm ħoloq oppinjonijiet u diskussjonijiet fuq diversi oqsma marbuta max-xandir.
Fil-fatt, rapporti fil-midja aktar kmieni din il-ġimgħa wrew kif skont ċifri pprovduti mill-Public Broadcasting Service, 160,000 persuna raw l-ewwel episodju ta’ Love Island Malta . Dan saħansitra wassal sabiex numru ta’ persuni esperjenzaw problemi tekniċi waqt l-ewwel programm minħabba l-fatt li kien hemm mas-16,000 persuna jaraw il-programm permezz ta’ mezzi online, u b’hekk waqgħu is-servers ta’ TVMi.
Minkejja dan l-entużjażmu mill-udjenza Maltija u Għawdxija, Love Island Malta ġab miegħu numru ta’ kontroversji. Fosthom, fuq il-midja soċjali sar l-appell sabiex wieħed ikun ħanin fil-kummenti tiegħu dwar il-parteċipanti tal-programm. Fil-fatt, din mhix biss problema tal-interpretazzjoni Maltija ta’ dan il-programm, hekk kif tliet parteċipanti fl-istess programm fir-Renju Unit kienu għamlu suwiċidju wara kummenti offensivi fil-konfront tagħhom fuq il-midja soċjali.
Din il-gazzetta staqsiet l-opinjoni ta’ numru ta’ persuni b’esperjenza fix-xandir, dwar il-programm li bla dubju se jkun segwit min-numru sostanzjali ta’ telespettaturi fil-ġimgħat li ġejjin.
“Forma ta’ Trash TV” - Ġorġ Mallia
Meta mistoqsi mill-ILLUM, il-Professur Ġorġ Mallia stqarr magħna li huwa konxjament mhux isegwi dan il-programm, minħabba li fil-fehma tiegħu, huwa forma ta’ “Trash TV”. Mallia spjega li dan il-programm huwa maħdum biex jilħaq l-akbar numru ta’ persuni, u għalhekk, fil-fehma tiegħu, mhux programm ta’ kwalità għolja.
Huwa saħaq li jifhem l-importanza ta’ programmi divertenti, iżda l-kunċett u l-istil ta’ dan il-programm għandu l-potenzjal il jagħmel iktar ħsara milli ġid.
Rigward ir-rispons sinifikanti għal dan il-programm mill-udjenza, il-Professur Mallia nnota li wieħed għandu jżomm f’moħħu li minħabba li numru ta’ Maltin diġà jaraw il-verżjoni Brittanika tal-programm, kien hemm stennija kbira għall-verżjoni Maltija, filwaqt li rrimarka li s-sess, is-sbuħija u l-gossip huma fatturi li jagħmlu programmi bħal dawn aktar attraenti għall-udjenza.
“Sensazzjonali… Mhux postu fuq stazzjon Nazzjonali” - Jason Micallef
Tal-istess fehma kien Jason Micallef, li ħadem fi ħdan l-istazzjon Nazzjonali għal numru ta’ snin, li bħal Ġorġ Mallia, ddeskriva dan il-programm bħala Trash TV. Micallef kien fost l-ewwel persuni li esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-fatt li Love Island Malta xxandar fuq il-PBS. Ma’ din il-gazzetta, huwa stqarr li bħala stazzjon Nazzjonali, l-istazzjon għandu l-obbligu li jxandar kull tip ta’ produzzjoni ħlief dawk li posthom huma fuq stazzjonijiet kummerċjali.
Din il-produzzjoni hija proprju l-oppost ta’ programm li jixxandar fuq stazzjon iffinanzjat mit-taxxi tal-poplu, skont il-fehma ta’ Jason Micallef, li ddeskriva Love Island bħala programm “ultra kummerċjali” impurtat mill-Punent. Huwa rrimarka kif din il-produzzjoni fih “bluha u ħamallaġni” li posthom huwa kullimkien għajr għall-PBS.
B’reazzjoni għall-udjenza sinifikanti li ġġenera l-programm, Jason Micallef qal li min ippubblika dawn l-istatistiċi għamel hekk biex jiddefendi kontra l-backlash tal-istess programm, u tenna li huwa irrelevanti kemm segwewh nies. Filwaqt li rrikonoxxa li kulħadd għandu d-dritt li jara dawn it-tip ta’ programmi, stqarr li jibqa’ l-fatt li ebda stazzjon Nazzjonali fid-dinja ma jxandar dawn il-programmi.
Dwar il-kwalità tal-programm, irrimarka kif dawk li jipproduċuh m’għandhomx interess minn affarjiet bħal-lingwa li tintuża, iżda jinteressahom biss li jkunu sensazzjonali.
Micallef innota wkoll li ladarba qed jixxandar dan il-programm, huwa inutli li joħorġu l-ġenituri u l-ħbieb tal-parteċipanti jaqbżu għalihom, u tefa’ t-tort fuq il-kummenti dispreġġjattivi fuq min aċċetta li jixxandar il-programm. Qal li issa la dan qed jixxandar, min huwa responsabbli jrid joqgħod għall-kritika tal-pubbliku.
“Il-PBS għandu jirrifletti x-xewqat ta’ din is-sezzjoni fl-udjenzi tiegħu” - Pierre Portelli
Min-naħa l-oħra, Pierre Portelli, li pproduċa l-programm ‘L-Ispjun’ b’kunċett simili ta’ Love Island, stqarr mal-ILLUM li bosta Maltin isegwu Love Island ta’ pajjiżi oħra, u l-istazzjon Nazzjonali għandu jirrifletti x-xewqat ta’ sezzjoni sinifikanti tal-udjenza Maltija.
Portelli stqarr ukoll li l-livell ta’ produzzjoni ta’ Love Island Malta huwa tajjeb ħafna. Minkejja dan, huwa spjega kif isib problema mal-formula tal-programm internazzjonali nnifsu, hekk kif ipoġġi individwi f’dak li ddeskriva bħala “suq”, biex persuni oħra fil-programm jagħżlu jew jirriġettawhom.
Pierre Portelli qal li meta wieħed iħares lejn il-programm innifsu u l-parteċipanti, wieħed jifhem jekk dawn ikunu xi ftit jew wisq superfiċjali fl-ewwel ġranet tal-programm, iżda qal li maż-żmien wieħed jinnota li joħorġu l-karattri vera tagħhom, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħhom. Għalhekk, huwa stqarr li programmi b’elementi ta’ esperiment soċjali bħal m’hu Love Island Malta jservu ta’ produzzjonijiet interessanti ferm, sakemm ma jinqabżux il-limiti tar-rispett lejn l-individwi.
Punt interessanti li qajjem Portelli kien il-fatt li Love Island UK jiswa’ mat-€12-il miljun, u bl-istess mod, jimmaġina li l-interpretazzjoni ta’ Malta bla dubju għandha spejjeż ta’ madwar żewġ miljun ewro marbuta mal-produzzjoni. Pierre Portelli appella biex il-PBS jispjega kif kien possibbli li jiġi ffinanzjat dan il-programm bi spiża sinifikanti, sabiex bl-istess mod, ikunu jistgħu isiru produzzjonijiet oħra li jirrikjedu dawn il-fondi. Dan hekk kif saħaq li hemm bosta produtturi li jixtiequ juru t-talenti tagħhom fuq il-PBS, iżda jsibu problemi ta’ finanzjament marbuta mal-mudell finanzjarju tal-istess stazzjon.
“Dan huwa mass medium u allura qiegħed hemm biex jikkomunika mal-massa.” - Peppi Azzopardi
Joseph Azzopardi, magħruf aħjar bħala Peppi lanqas m’huwa barrani fid-dinja tax-xandir. F’kummenti lil din il-gazzetta, qal li Love Island Malta, filwaqt li jiġbor fih grupp ta’ żgħażagħ diversi li jiddiskutu b’mod profond ir-relazzjonijiet li qed jinbtu bejniethom, setgħet saret għażla aħjar ta’ parteċipanti biex tinkludi fiha persuni omosesswali fost oħrajn.
Dwar il-lingwa Maltija, Peppi Azzopardi qal li wieħed għandu jirrifletti l-mod ta’ kif jitkellmu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum, u jekk dawn jitkellmu b’Malti mħallat bl-Ingliż, m’għandu jkun hemm ebda problema li jitkellmu b’din il-forma ta’ lingwa.
Azzopardi stqarr li jaqbel li l-PBS juri programmi li l-udjenzi jkunu interessati fihom, hekk kif minħabba li t-televiżjoni huwa “medium” tal-massa, irid jirrappreżenta l-interessi tal-massa. Huwa kritika l-fatt li minkejja li l-PBS huwa finanzjat mit-taxxi tal-poplu, xorta waħda jbiegħ ir-riklami, hekk kif dan qed jikkontribwixxi għal numru ta’ stazzjonijiet li qed isibuha diffiċli jikkompetu mal-istazzjon Nazzjonali.
Għalhekk spjega li jekk programm bħal Love Island jiswa eluf kbar, programmi simili jkunu jistgħu jixxandru fuq stazzjonijiet privati mingħajr ma jkollhom jikkompetu mal-PBS.
Azzopardi sostna li “il-ħasra m’hijiex li in-nies qed isegwu Love Island, imma li mhux isewgu programmi ta’ diskussjoni.” Stqarr li dan jorbot “maċ-ċensura li hemm bħalissa fil-PBS”, li qed toqtol id-diskussjoni fuq l-istazzjon tal-Istat. Huwa tenna bil-messaġġ li “Tajjeb li n-nies jistgħu isegwu programmi li fihom jikxfu ġisimhom imma tajjeb wkoll li in nies ikunu jistgħu jaraw programmi li jikxfu l-iskandli u jiddiskutuhom.”