Ġew imħabbra 16-il proġett ta’ spazji ħodor miftuħa li flimkien jammontaw għal 80,000 metru kwadru ta’ art, bl-iskop li aktar nies madwar Malta u Għawdex ikollhom spazju miftuħ viċin tagħhom, liema proġetti se jkunu qed isiru minn Project Green sal-2025.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarjiet fil-Mosta, fejn tħabbru numru ta’ proġetti li kienu proponew kunsilli lokali u entitajiet mhux governattivi, liema proġetti se jsiru b’nefqa ta’ €10 miljun.
Robert Abela stqarr li l-artijiet li se jintużaw għal dawn il-proġetti huma artijiet li setgħu nbnew, ġonna mitluqa, spazji bejn djar u artijiet barra mill-konfini tal-iżvilupp (ODZ) li sfaw mitluqa. Il-proġetti, li se jsiru permezz tal-Community Greening Grant, se jsiru fil-postijiet magħżula mill-komunità, u se jinfirxu min-nofsinhar ta’ Malta sa Għawdex.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli stqarret li dawn il-proġetti se jitgawdew kollha mir-residenti, filwaqt li spjegat li l-community greening grant hija skema sinifikanti ferm għal proġetti ambjentali f’pajjiżna.
Hija fakkret li dawn is-16-il proġett se jsiru fl-isfond ta’ proġetti akbar li diġà għaddejjin. Fil-fatt, Miriam Dalli tenniet li mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, infetħu u ġew riġenerati aktar minn 32,000 metru kwadru.