Aktar għaqdiet minn diversi oqsma jappoġġjaw il-protesta nazzjonali 'Xebbajtuna!'

Fi stqarrija, l-pubbliku kien imħeġġeġ sabiex ikun preżenti fil-Belt Valletta nhar is-Sibt fl-10:30am fi Pjazza Tritoni, sabiex isemma' leħnu kontra dak li qed isir fl-oqsma tal-ambjent u l-ippjanar

Aktar minn 80 għaqdiet ta’ residenti, organizzazzjonijiet tal-istudenti u kulturali qed jappoġġjaw il-protesta nazzjonali bl-isem ta’ ‘Xebbajtuna! Bidla fl-Ambjent u l-Ippjanar ISSA!’, b’rabta mal-istat tal-ippjanar u l-ambjent f’Malta. 

Il-protesta se titlob riformi ambjentali u marbuta mal-ippjanar u hija appoġġjata wkoll minn 256 akkademiku u numru kbir ta’ għaqdiet mhux governattivi. Din se ssir f’kuntest ta’ rabja mifruxa ma’ Malta kollha b’rabta ma’ diversi deċiżjonijiet tal-ippjanar u ambjentali madwar il-pajjiż.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti stqarret li hemm gruppi ta’ residenti minn madwar Malta u Għawdex li se jappoġġjaw il-protesta, fosthom dawk ta’ Wied il-Għajn, Ħal Qormi, l-Imġarr u n-Nadur.

L-organizzaturi stqarru li dan l-appoġġ huwa xhieda ta’ kostruzzjoni bla rażan li dejqet lil kulħadd, u għalhekk din il-protesta qed issejjaħ lil persuni ġejjin minn liem kuntest ġejjin, sabiex l-awtoritajiet jisimgħu t-talbiet tagħhom u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ pajjiżna, anke għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Fi stqarrija ntqal kif “L-organizzazzjonijiet qed jitolbu bidla fil-politiki tal-ippjanar, riforma radikali fl-istituzzjonijiet tal-ambjent, l-ippjanar u l-artijiet, u mudell ekonomiku ġdid li jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja minflok fuq it-tkabbir ekonomiku bla tarf.”

Hawn sar appell sabiex in-nies jingħaqdu mal-organizzaturi l-Ħamis f’67, Strait Street, Valletta bħala parti mill-preparamenti tal-protesta.

Il-Protesta se ssir nhar is-Sibt fl-10.30 am u tibda mill-Funtana tat-Tritoni.

More in Socjali