Fl-2023: Kważi 237 liċenzja tas-sewqan revokata kull xahar

L-ILLUM tinsab infurmata li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena ġew revokati 950 liċenzja tas-sewqan b’kollox ...

Fl-ewwel kwart tas-sena u għaldaqstant minn Jannar sal-aħħar ta’ April tal-2023, l-awtoritajiet irrevokaw total ta’ 950 liċenzja tas-sewqan. Dan irriżulta minn mistoqsijiet li għamlet il-gazzetta ILLUM lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, fid-dawl tal-fatt illi pajjiżna kellu numru rekord ta’ fatalitajiet minħabba inċidenti stradali fl-2022 u oħrajn maġġuri din is-sena. Fil-fatt ta’ min wieħed isemmi l-aktar vittma riċenti, fl-età żgħira ta’ 17-il sena - Kacey Sciberras – li mietet f’inċident ikrah fit-triq tac-Central Link.

Minn 950 liċenzja li ġiet revokata, 166 minnhom kienu ta’ prova, (probation) dan filwaqt li 666 persuna kellhom l-ewwel revoka. Min-naħa l-oħra 168 persuna kellha t-tieni revoka.

Liċenzja kif tiġi revokata?

Issuq jew le, huwa ovvju li fit-toroq hemm kaos. Jekk hux minħabba t-traffiku, nuqqas ta’ ippjanar jew minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi fit-toroq, din il-gazzetta m’għandiex risposta għaliha. Però huwa stat ta’ fatt li ħafna mill-inċidenti fit-toroq iseħħu minħabba sewqan b’veloċità eċċessiva u distrazzjonijiet, fost oħrajn. Kien għalhekk li ttieħdu numru ta’ miżuri inkluż l-introduzzjoni tal-punti penali, fl-2017.

Iżda xi jwassal biex il-liċenzja tiġi revokata?

Il-liġi titlob li jekk persuna tikkommeti għadd ta’ kontravenzjonijiet li swewlha 12-il punt jew aktar fi żmien 12-il xahar, il-liċenzja tiġi revokata. Min jakkumula 11-il punt fi żmien l-istess perjodu jew inqas jista’ jagħmel eżami dwar is-sewqan biex inaqqsu l-punti.

Meta persuna taqbeż it-12-il punt il-liċenzja tiġi irritornata lura lill-Awtorità għat-Trasport u tinħareġ kontroparti aġġornata dwar il-liċenzja tas-sewqan irrevokata bil-punti kollha li ġew akkumulati. Għal dan is-servizz wieħed irid iħallas xejn inqas ħlief €6.

Jekk wieħed eventwalment jixtieq jerġa’ japplika biex ikollu liċenzja irid qabel kollox jistenna tliet xhur mid-data tar-revoka imbagħad jibda l-proċess mill-bidu. Dan ifisser li jkollu jagħmel it-test tat-teorija u dak tal-prattika.

Jekk il-liċenzja tiġi revokata tliet darbiet fi żmien ħames snin, x-xufier ikollu jistenna sena sakemm jerġa’ jibda l-proċess.

Bidliet sostanzjali fil-kontravenzjonijiet... Lilek kif se taffetwak?

Riċentament rajna l-bidla ħarxa – u ġusta – f’dawk li huma multi u sistemi ta’ punti marbuta ma’ kontravenzjonijiet tat-traffiku. Fost l-aktar kontravenzjonijiet li se jolqtu l-but hemm dik li, jekk persuna tinqabad iżżomm u/jew tagħmel użu ta’ mobajl li jinżamm fl-idejn jew kwalkunwe apparat ieħor simili waqt li wieqfa fit-traffiku jeħel multa ta’ €300 ewro.

Jekk wieħed jinqabad juża l-mobile waqt is-sewqan, jingħata multa ta’ €200, li jfisser li l-multa għal żdiedet b’€100. Meta wieħed jagħmel referenza għall-użu tal-mobajl, dan jinkludi wkoll użu ta’ headphones jew apparat simili li jintlibes fil-widna, anke jekk il-karozza tkun wieqfa.

Intant l-inqas ammont li wieħed jista’ jeħel jekk jinqabad ma jużax tailbort jew vettura tkun mgħobbija żżejjed huwa ta’ €200. Minkejja dan, il-massimu ta’ dan l-istess ksur hija €500.

Taħrika interessanti hija dik tat-tagħbija ta’ passiġġiera żejda li jaqbżu dak stipulat fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Min jinqabad ikollu jħallas €50 għal kull persuna żejda fil-karozza.

Fejn għandu x’jaqsam il-punti li jingħataw għal kontravenzjoni kienu minn tlieta sa sitta, issa saru minn sitta sa disgħa punti.

More in Socjali