Il-problema tan-numri kbar ta’ persuni joħonqu bajjiet żgħar mhix speċifika biss għall-pajjiż żgħir bħal Malta, hekk kif l-Italja, bin-numru kbir ta’ bajjiet pittoreski tagħha, qed tesperjenza l-istess problema. Iżda quddiem dan kollu, x’inhu jsir mill-awtoritajiet biex jiġu protetti dawn il-bajjiet?
Fl-Italja, b’mod partikolari fil-gżejjer ta’ Sqallija u Sardenja li huma magħrufin għall-bajjiet tagħhom, qed jiġi nnutat li n-nies, b’mod speċjali t-turisti, qed iħallu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Fost l-akbar problemi li qed jiġu nnutati fuq dawn il-bajjiet Taljani, hemm iż-żieda fl-iskart, u anke l-fatt li turisti qed jieħdu r-ramel mill-bajja magħhom.
Bħala risposta, l-awtoritajiet Taljani qed jippjanaw li dan is-sajf jidaħħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri biex jissalvagwardjaw dawn il-bajjiet sensittivi.
F’numru ta’ bajjiet li huma popolari ferm mat-turisti, se jkun hemm limitu tal-ammont ta’ persuni li jitħallew iżuru u jqattgħu il-ħin fil-bajjiet. Dan hekk kif ġie nnutat li l-folol kbar ta’ turisti li jżuru l-bajjiet żgħar f’daqqa huwa wieħed mhux sostenibbli. Għalhekk, il-bajjiet ta’ Cala dei Gavviani u Cala Biriala huma żewġ bajjiet li se jħallu biss 300 persuna jżuruha kuljum, filwaqt li bajjiet oħra se jkollhom limiti differenti, li jvarjaw minn 250 sa 700 persuna f’ġurnata.
Bajjiet oħra se jkunu aċċessibbli jekk wieħed iħallas €6 għal ġurnata, u biex wieħed iżur kwalunkwe bajja minn dawn, iridu jibbukkjaw posthom permezz ta’ app minn tlett ijiem qabel.
Apparti minn hekk, kull bajja se tkun taħt sorveljanza, u se jkun hemm persuni nkarigati li jżommu l-indafa fihom.
F’Malta, speċifikament f’Kemmuna, tul is-snin qed issir emfasi ikbar minn għaqdiet mhux governattivi biex jitħares l-ambjent tal-bajjiet tal-gżira.
Is-sajf li għadda, il-Moviment Graffitti kienu ħadu azzjoni meta marru Kemmuna biex ineħħu d-’deckchairs’ li kienu qed joħonqu l-bajja ta’ Blue Lagoon. Hawn, huma appellaw għal aktar regoli stretti għal min iżur din il-bajja, sabiex jitħares l-ambjent uniku tagħha.
F’Mejju ta’ din is-sena, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo kien ħabbar li din is-sena, Kemmuna se tara tnaqqis ta’ 65% fid-’deckhairs’ meta kkumparat ma’ snin ta’ qabel. Huwa kien stqarr li l-Gvern jixtieq jara aktar riżultati immedjati billi tingħata lura aktar art lill-pubbliku.
Filwaqt li laqgħu dan l-aħbar, il-Moviment Graffitti qalu li se jkunu qed isegwu mill-viċin is-sitwazzjoni tal-bajjiet f’Kemmuna dan is-sajf.