F’Malta terz tal-ħaddiema fis-settur privat huma barranin

Ċifri u figuri li ġew ippubblikati fl-aħħar żmien juru li terz mill-ħaddiema fis-settur privat ġejjin minn pajjiżi barranin u ftit aktar minn nofshom huma ħaddiema ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. B’mod evidenti jidher li l-ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea ħadu ħafna mix-xogħolijiet b’paga ta’ inqas minn €20,000, hekk kif inqas Maltin bdew jitħallsu b’din ir-rata tul l-aħħar deċenju 

Filwaqt li mhux okkażjoni rari li wieħed jisma’ kif Malta għandha bżonn aktar ħaddiema għas-settur privat, f’pajjiżna madwar terz tal-ħaddiema fis-settur privat huma barranin u ftit aktar minn nofshom ġejjin minn pajjiżi ‘il barra mill-Unjoni Ewropea.  

Dan skont ċifri li ġew ippubblikati fil-Parlament wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-settur Marittimu u x-Xogħol, Ivan Castillo lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Carurana. 

Hawn ġie nnutat li b’kollox hawn madwar 310,000 ħaddiem fis-settur privat, li minnhom madwar 36,000 huma persuni ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea u madwar 69,000 huma persuni ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. 

Il-ħaddiema barranin ilhom fiċ-ċentru ta’ diskussjoni wiesa f’Malta u Għawdex għal numru ta’ xhur. Dan hekk kif fi Frar li għadda miċ-Ċensiment nazzjonali, ħareġ li l-popolazzjoni f’Malta żdiedet b’mod rampanti, hekk kif ġiet innutata żieda ta’ madwar 100,000 persuna f’10 snin biss, liema żieda hija marbuta mal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.  

Minħabba dan, bosta għaqdiet ikkundannaw il-mudell ekonomiku preżenti li wasslet għal din iż-żieda mhux sostenibbli fil-popolazzjoni, li qed twassal għal żieda fil-bini fost effetti oħra. Iżda kemm qed idumu jaħdmu f’pajjiżna l-ħaddiema barranin?  

F’mistoqsija Parlamentari separata, mill-Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg lill-Ministru Clyde Caruana, kien ħareġ li numru sostanzjali ta’ ħaddiema barranin bejn l-2013 u l-2023 ġew u telqu minn Malta f’sena. Fil-fatt, kienu aktar minn 48,000 ħaddiem barrani ħallew dawn il-gżejjer fl-ewwel sena tagħhom f’dawn l-10 snin. 

Dan ifisser li għal numru sostanzjali ta’ ħaddiema barranin, Malta hija post temporanju għal eluf ta’ ħaddiema, iżda dan ma jfissirx li l-ħaddiema mhux iħallu effett fuq pajjiżna, b’mod speċjali fejn għandu x’jaqsam mal-infrastruttura u n-nuqqas ta’ integrazzjoni fost il-komunitajiet Maltin. 

Il-medja tal-ħaddiema barranin li ħadmu f’Malta bejn l-2013 u Diċembru tal-2022 ħadmu ftit aktar minn 22 xahar b’mod kontinwu. Ħareġ ukoll li mal-91,000 ħaddiem barrani li m’għadhomx attivi fis-suq tax-xogħol, 48,000 minnhom ma damux aktar minn sena f’Malta, u kienu biss 1,300 persuna li ħadmu tul l-aħħar deċċenju koollu qabel ma telqu minn pajjiżna. 

B’kollox, fl-2013 kien hawn 13,500 ħaddiem barrani, li tela’ għal aktar minn 70,000 sal-aħħar tal-2022. L-akbar qabża li saret f’daqqa ġiet innutata fl-2018, fejn in-numru ta’ ħaddiema barranin tela’ b’40%, minn 29,000 għal 40,000. 

Għal dawn il-ħaddiema, il-paga medja tagħhom, li kienet madwar €17,000 fis-sena fl-2013, telgħet biss għal €19,900 fl-2022, liema figura ma tinkludix overtime, bonus u żidiet oħra, li tfisser li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna huma fost l-inqas imħallsa. 

Dan jidher li huwa marbut ma’ bidla oħra li ġiet innutata fost il-ħaddiema f’pajjiżna fl-aħħar snin, hekk kif in-numru ta’ ġaddiema Maltin li jaħdmu xogħolijiet bl-inqas paga naqsu b’mod notevoli fl-aħħar snin. Dan hekk kif bejn l-2012 u l-2022, il-Maltin li jitħallsu inqas minn €20,000 fis-sena naqsu bi kważi terz.  

Jidher ukoll li dawn ix-xogħolijiet bl-inqas paga ttieħdu minn ħaddiema ġejjin minn barra mill-Unjoni Ewropa, li fl-2012 kienu biss 3,560. 

More in Socjali