It-Tnejn filgħaxija ġew irreġistrati 13-il ħsara oħra f'cables ta' taħt l-art, liema ħsarat affettwaw partijiet mill-Mosta, in-Naxxar u l-Ħandaq. Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li l-ħaddiema qed jaħdmu b'mod kontinwu biex jissewwew dawn il-ħsarat, hekk kif issa l-kumpanija daħlet fit-tieni ġimgħa ta' xogħolijiet ta' dan it-tip.
Din is-sitwazzjoni problematika tal-elettriku f'pajjiżna, issa ilha għaddejja għal aktar minn ġimgħa, fejn fl-aħħar siegħat saħansitra nqata' d-dawl fl-Isptar Mater Dei għal ftit inqas minn siegħa. In-nuqqas ta' dawl ġie ikkawżat hekk kif il-generators fallew milli jixgħelu b'mod awtomatiku b'konsegwenza li diversi pazjenti kellhom jesperjenzaw is-sħana tremenda li ħakmet il-ġżejjer tagħna.
Għalkemm is-sitwazzjoni tidher li qed tiggrava maż-żmien, din ma kinitx l-ewwel darba li s-servizzi tas-saħħa f'Malta soffrew qatigħ minħabba l-qtugħ tad-dawl. L-istess sitwazzjoni ħakmet ukoll l-Isptar Mount Carmel il-Ġimgħa li għaddiet.
Fuq nota pożittiva, huwa maħsub li l-mewġa ta' sħana qawwijja se tkun qed tikkalma fis-siegħat li ġejjin, hekk kif l-Erbgħa t-temperaturi mistennija jinżlu f'daqqa għal 34°C.
B'hekk, jekk il-ħsarat fil-cables ta' taħt l-art huma marbuta esklussivament mat-temperaturi għoljin u mhux mad-domanda għall-elettriku kif sostna ripetutament l-Gvern, il-ħsarat għandhom ibattu wkoll.