Il-qtugħ tad-dawl u sħana kbira affettwaw il-produzzjoni tal-ħalib lokali

Apparti l-qtugħ ta' dawl, is-sħana tremenda qed taffettwa l-baqar lokali, u minħabba f'hekk dawn qed jipproduċu inqas ħalib mis-soltu

Il-prodotti lokali tal-ħalib ħadu daqqa fil-produzzjoni
Il-prodotti lokali tal-ħalib ħadu daqqa fil-produzzjoni

L-aċċessibilità tal-prodotti tal-ħalib lokali tista' tiġi affettwata mill-qtugħ tad-dawl u sħana tremenda li qed iħabbtu l-gżejjer Maltin, fost l-oħrajn minħabba qtugħ tad-dawl fil-fabbrika li qed jaffettwa l-livell tal-produzzjoni ta' dawn il-prodotti.

Stqarret dan il-Malta Dairy Products Ltd, li tipproduċi l-ħalib frisk kollu f'Malta, hekk kif ġie spjegat li l-problemi fil-provvista tad-dawl wassal għal nuqqas ta' produttività mill-fabbrika. Intqal li minkejja li hemm il-'generators' tal-fabbrika għaddejjin, it-temperaturi għoljin qed iwasslu għal aktar problemi u dawn ma jistgħux ileħħqu.

Dan wassal għal tnaqqis temporanju fil-produzzjoni li se jaffettwa l-ammont ta' ħalib li se jkun hemm fis-suq fil-jiem li ġejjin.

Apparti dan, il-kumpanija spjegat li qed tara nuqqas ħalib mill-baqar lokali. Dan minħabba t-temperaturi għoljin u n-nixfa li hawn fil-pajjiż li jwassal lill-baqar biex jipproduċu inqas ħalib, liema tnaqqis isir kull sena f'dan iż-żmien.

Minkejja dan, il-kumpanija assigurat lill-klijenti tagħha li hija qed taħdem qatigħ biex tnaqqas kemm jista' jkun l-effett fuq il-klijenti, u li se tibqa' tipproduċi prodotti friski u lokali. Hawn intqal li kull miżura qed tittieħed biex il-kwalità tal-prodotti tibqa' f'livell għoli.

More in Socjali