2,445 persuna b’diżabilità rċievew servizz ta’ ħidma soċjali
€2.6 miljun mogħtija permezz tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund
More in Socjali
€2.6 miljun mogħtija permezz tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, ġie nnotat li fis-sena 2022, 2,445 persuna b’diżabilità rċievew servizz ta’ ħidma soċjali minn Aġenzija Sapport.
Dawn il-figuri huma abbażi ta’ rapport li ġie ppreżentat mill-Kap tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.
Ir-rapport jgħid ukoll illi tul din is-sena nħarġu 2,735 dokument tal-Blue Badge.
Mill-aspett finanzjarju, ingħataw madwar €2.6 miljun lil persuni b’diżabilità permezz, tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund. Madwar €761,000 oħra ġew mogħtija lill-1,310 applikant li ġie approvat taħt l-Empowerment Scheme.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet ir-rapport bħala rappreżentazzjoni pożittiva li tirrikonoxxi l-isforzi kontinwi ta’ ristrutturar intern tal-entità, immirati biex itejbu s-servizzi lin-nies. Żiedet billi tirringrazzja lil aktar minn 600 ħaddiem tal-Aġenzija li jaħdmu sabiex persuni b’diżabilità jingħataw dawn ix-xorta ta’ servizzi.
Saħqet ukol dwar l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex ikun possibbli li din l-għajnuna tkun aċċessibbli wkoll fid-djar, permezz ta’ assistenza personali.
Scicluna faħħar il-ħidma u l-impenn tas-614 impjegat tal-aġenzija biex jingħataw firxa wiesgħa ta’ servizzi b’suċċess. Enfasizza wkoll dwar il-ħidma kontinwa mill-aġenzija sabiex tkompli tiżviluppa dejjem aktar programmi u inizjattivi ta’ livell għoli fil-mixja lejn l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, speċjalment b’aċċenn lejn għajxien indipendenti.
Fl-2022, ġie mnedi l-programm Way to Work, li l-għan tiegħu hu li persuni b’diżabilità jiġu mħarrġa sabiex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Beda wkoll il-programm Super Subs, fejn saru sessjonijiet għal aħwa minuri ta’ persuni b’diżabilità.
Fl-istess sena, ġie inawgurat Community Hub fiż-Żurrieq, u beda proġett sabiex jinfetaħ ieħor fir-Rabat.