Bil-filmat: Ċittadin jilmenta dwar ħerba totali fl-Aħrax tal-Mellieħa

F'filmat li tella' fuq il-midja soċjali r-raġel stqarr li, “Mhix kwistjoni ta’ Kunsill Lokali li ma jnaddafx, iżda kwistjoni ta’ kemm aħna bdabad.”

Filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali minn ċertu Conrad Neil Gatt juri li xi individwi mhux identifikati kienu qalb in-natura fl-Aħrax tat-Tunnara fil-Mellieħa, u ħallew warajhom miżbla sħiħa.

Viżibilment frustrat b'dak li ra quddiem għajnejh, Gatt ilmenta dwar id-“diżastru” fit-8 t'Awwissu.

Hawn wieħed seta' jara li mhux talli l-ħmieġ intrema mal-art, iżda jidher mifrux fuq żona kbira, u mhux ristrett għal biċċa żgħira biss. Dan jinkludi charcoal, biċċiet ta’ siġġijiet tal-alumilju u boroż tal-plastik. Minbarra dan, xi ġebel li tneħħa minn ħitan fil-viċin sabiex idawwar nirien tħalla fin-nofs u ma tpoġġhiex lura f’postu.

Gatt jidher jimxi tul iż-żona, però l-iskart ma jnaqqasx. Hawn wieħed jista’ jinnotta aktar boroż tal-plastik, laned, kif ukoll għadam.

Hu jżid li, għalih, “mhix kwistjoni ta’ Kunsill Lokali li ma jnaddafx, iżda kwistjoni ta’ kemm aħna bdabad.”

Jisħaq ukoll li, għalkemm hu personalment mhux kaċċatur u kontra l-kaċċa llegali, jirringrazzja lill-kaċċaturi u jgħid li, “Imnalla jkunu huma li jieħdu ħsiebu.” Filwaqt li ż-żona tal-Aħrax hija sit iffrekwentata minn ħafna kaċċaturi, ftehim bejn il-Gvern ul-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sabiex dawn jamministraw is-sit fl-2020, ġie annullat mill-Qorti tal-Appell fl-2022.

Gatt appella wkoll sabiex inkunu aktar konxji ta’ problemi ta’ rimi bl-addoċċ. Minn naħa tiegħu, hu mexxa bl-eżempju u qal li naddaf iż-żona ta’ fejn rama l-kamp tiegħu; żona li mill-filmat tidher kemmxejn aktar nadifa mill-bqijja.

Temm billi qal, “L-aħwa, nieħdu ħsieb l-ambjent ghax ħadd m’hu se jieħu ħsiebu għalina. Għalina, u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”

B’reazzjoni għall-filmat, massa ta’ nies ikkummentaw sabiex esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom lejn il-ħerba li saret.

More in Socjali