L-inċidenti tat-traffiku jogħlew bi ftit fit-tieni kwart ta' din is-sena

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), kien hemm żieda minima fl-inċidenti fit-toroq fit-tieni kwart tas-sena 2023 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Madanakollu, kien hemm nuqqas fl-ammont ta’ nies li weġġgħu kawża ta’ dan

In-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li kienu rrappurtati fit-tieni kwart tas-sena 2023 laħaq l-4,264. Dan juri żieda minima ta’ 0.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2022.

F’Malta, l-akbar ammont ta’ inċidenti ġie rreġistat f’Birkirkara (278 każ), segwita minn Ħal Qormi (238 każ) u San Pawl il-Baħar (212 każ). L-anqas ammont kien f’Santa Luċija, b’ħames inċidenti.

F’Għawdex, l-akbar ammont t’inċidenti seħħew ir-Rabat, b’82 każ. L-anqas ammonti ġew irreġistrati l-Fontana u Ta’ Kerċem, b‘erba’ inċidenti.

L-akbar numru ta’ inċidenti seħħew nhar ta’ Tlieta, b’690 każ, li jammontaw għal 16.2% tal-inċidenti totali, segwit mill-Ġimgħa (15.7%) u l-Erbgħa (15.3%). L-anqas ammont ta’ inċidenti seħħew fi tmiem il-Ġimgħa, b’562 is-Sibt (13.2%) u 414 il-Ħadd (9.1%).

Il-maġġoranza tal-inċidenti seħħew bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ waranofsinhar, b’967 inċidenti, li jammontaw għal 22.7% tal-inċidenti totali. L-anqas numru ta’ inċidenti seħħew bejn it-tlieta u s-sitta ta’ filgħodu, b’69 inċident, li jammontaw għal 1.6% tal-inċidenti totali.

Id-distretti tat-Tramuntana tal-Port u tan-Nofsinhar tal-Port it-tnejn kellhom żieda fl-inċidenti tat-traffiku. Minn naħa l-oħra, id-distretti kollha l-oħra raw tnaqqis. Dak tat-Tramuntana tal-Port irreġistra żieda ta’ 10% f'inċidenti tat-traffiku, filwaqt li dak tan-Nofsinhar tat-Tramuntana wera żieda ta’ 5.4%. Id-distress tax-Xlokk wera nuqqas ta’ 9.7%, filwaqt li dawk tal-Punent u tat-Tramuntana wrew nuqqasijiet ta’ 6.4% u 4.8% rispettivament. Għawdex wera nuqqas ta’ 15.5%.

Madanakollu, in-numru ta’ nies li weġġgħu f’dawn l-inċident kien dak ta’ 444, li juri nuqqas ta’ 2.4%. Ir-rata ta’ kemm il-persuna tweġġa’ għal kull inċident hija ta’ 10.4%

37.4% ta’ dawn kienu persuni li kellhom bejn 26 u 40 sena.

L-akbar numru ta’ inċidenti fejn persuni soffrew ġrieħi kien nhar ta’ Ġimgħa, b’74 inċident, li jammontaw għal 16.6% tal-inċidenti kollha fejn persuna weġġgħet. Dan kien segwit mit-Tlieta (16%) u l-Ħamis (15%). L-anqas kien nhar ta’ Tnejn (11.4%).

L-akbar ammont ta’ inċidenti fejn kien hemm min weġġa’ nvolvew karozzi tal-passiġġiera, li jammontaw għal 54.1%. Dan kien segwit minn muturi (30.4%) u vetturi tal-merkanzija (4.3%). Ċiklisti kienu involuti f’erba’ inċidenti, fejn tlieta sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa u wieħed ta’ natura gravi.

68.7% ta’ inċidenti fejn persuni weġġgħu kienu jinvolvu kolliżjonijiet bejn vetturi.

L-aktar minn dawn seħħew fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port, b’108 każ, żieda ta’ 6.9%. Id-distrett tat-Tramuntana segwih, b’63 każ, żieda ta’ 12.5%. Id-distretti kollha l-oħra wrew nuqqasijiet, l-akbar f’dak t’Għawdex (31.4%) u dak tal-Punent (20%).

Minn dawn, 112 ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi, żieda ta’ 14.3%. Dawn jinkludu 64 xufier u 25 passiġġier. Il-bqijja kienu persuni mexjin fit-triq u ċiklisti, fost oħrajn. Il-maġġoranza kienu tas-sess maskili, hekk kif jammontaw għal 80.4% tal-każijijet.

44 minn dawn kienu jinvolvu muturi, filwaqt li 46 kienu jinvolvu karozzi.

L-akbar żieda kienet fid-distrett tax-Xlokk, fejn in numru kien ta’ 22. Fit-tieni kwart tas-sena 2022, dan kien ta’ erbgħa, jiġifieri kien hemm żieda ta 450%. Id-distretti l-oħrajn kollha rreġistraw żidiet jew nuqqasijiet minimi.

In-numru ta’ persuni li mietu kawża ta’ dawn l-inċidenti kien dak ta’ erbgħa; żewġ xufiera u żewġ passiġġieri. Tlieta minn dawn kienu rġiel, filwaqt li waħda kienet mara. Dan huwa nuqqas ta 33% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2022, fejn in-numru ta’ fatalitajiet kien ta’ 6.

Dawn kienu: kolliżjoni bejn żewġ vetturi fejn miet wieħed mix-xufiera, kolliżjoni ta’ vettura ma’ propjetà fejn miet ix-xufier, kolliżjoni bejn żewġ vetturi fejn miet passiġġier, u kolliżjoni ta’ vettura ma’ propjetà fejn miet passiġġier.

More in Socjali