Min ġej u min sejjer; ħarsa lejn it-turiżmu
Rekord ta’ turisti f’Malta fl-ewwel nofs tas-sena, żieda fl-infiq totali tat-turisti u aktar Maltin iqattgħu iljieli f’Għawdex
minn Shaban Ben Taher
Skont stħarriġ li sar mill-Malta Hotel and Restaurant Association (MHRA), it-turiżmu f’Malta irpilja mid-daqqa ta’ ħarta li kien ħa mill-pandemija tal-Covid 19.
Skont stimi li saru għal Ġunju minn informazzjoni provduta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-ammont ta’ turisti li ġew Malta fit-tieni kwart tas-sena kien aktar minn 840,000, u kiser ir-rekord li kien stabbilit fit-tieni kwart tas-sena 2019, b’59,000.
L-iljieli li dawn qattgħu ġo lukandi huwa stmat li żdied b’90,000 meta mqabbel mal-istess perjodu. Dan juri li l-preferenza tat-turisti qed ixxeqleb aktar lejn dik li joqgħodu f’lukandi milli akkomodazzjonijiet privati. Konsegwenza ta’ dan, l-ammont ta’ ljieli li t-turisti raqdu f’akkomodazzjonijiet privati mistenni li jkun ftit aktar baxx minn dak reġistrat fl-istess perjodu tas-sena 2019.
L-ammont ta’ flus li nefqu t-turisti f’Malta ukoll stmat li kiber. Dan mistenni jilħaq is-€663 miljun, li huwa 9% aktar għoli fuq l-istess perjodu tal-2019. L-akbar żieda f’infiq tirrelata mal-akkomodazzjoni, b’żieda ta’ bejn wieħed u ieħor 22%.
Bejn wieħed u ieħor, il-medja ta’ kemm kull turist individwali jonfoq Malta hija ta’ €780.
Żieda fil-lukandi
78.3% tal-kmamar ġewwa lukandi b’ħamest istillel kienu mimlijin tul dan il-perjodu. Dan juri żieda kemm fuq is-sena preċedenti (62.6%), kif ukoll fuq is-sena 2019 (78%), li kien rekord.
Kienu mimlijin ukoll 88.8% tal-kmamar ġewwa lukandi b’erbat istillel, li wkoll hija figura aktar għolja minn tal-2022 (80.5%) u tal-2019 (87.8%)
L-akbar żieda però kienet fil-lukandi b’tlett istillel. Tul it-tieni kwart tas-sena 2023, 93.4% tal-kmamar f’dawn il-lukandi kienu mimlijin, żieda ta’ 6.9% fuq is-sena 2019 (87.5%)
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) jgħid li n-numri tul is-sena kollha mistennija jlaħħqu l-livelli tal-2019
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg ħabbar li 3.43 miljun turist żar Malta fl-ewwel nofs tas-sena tal-2023, żieda fuq l-istess perjodu tas-sena 2019. Huwa qal li, “Ninsabu sodisfatti immens bil-figuri tal-ewwel nofs tas-sena, però hemm bżonn inkomplu b’dan ir-ritmu kontra fatturi li mistennija jaħdmu kontrina”
Dan b’referenza għall-inflassjoni, kif ukoll il-fatt li l-biljetti tal-ajru qegħdin jogħlew, li jista’ jkun li jnaqqsu id-domanda għall-ivjaġġar madwar l-Ewropa.
Waqt il-konferenza, ġie kkonfermat ukoll li n-nefqa tal-MIA tul l-ewwel 6 xhur tas-sena 2023 kienet ta €8 miljun. Dan minħabba diversi proġetti li għaddejjin fl-ajruport, fosthom xogħolijiet fuq Fardal X. Huwa skedat li xogħol fuq Runway 25-05 se jibda lejn l-aħħar tas-sena, u jitlesta sas-sajf tal-2024. Fl-istess waqt, se jibda l-proġett tal-espansjoni tat-terminal.
“L-akbar perċentwal ta’ turisti f’Malta huma Brittaniċi” - MTA
Meta mistoqsija dwar minn liema pajjiż jaslu l-aktar turisti f’Malta, kelliema għall-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) irrispondiet li, tul l-ewwel nofs tas-sena 2023, dan kien ir-Renju Unit. Warajh segwew l-Italja, Franza, il-Polonja u Spanja.
Stqarret ukoll li fejn jidħlu attivitajiet kulturali, 78% tat-turisti jżuru binjiet storiċi, 68% jżuru knejjes, 46% iżuru t-tempji u s-siti arkeoloġiċi, filwaqt li 42% jżuru mużewijiet.
L-aktar lokalitajiet popolari fejn qagħdu t-turisti tul is-sena 2022 kienu San Pawl il-Baħar (22%), il-Mellieħa (20%), Ta’ Sliema u l-Gżira (20%), u San Ġiljan (14%).
Tul l-istess sena, 129,059 turist għażel li jqatta’ iljieli f’Għawdex. Dan jammonta għal 5.6% tat-turisti kollha. Bejn wieħed u ieħor, nofs dan l-ammont għażlu li jqattgħu l-iljieli tagħhom kollha f’Għawdex, u n-nofs l-ieħor għażlu li jqattgħu iljieli kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta.
It-turist Malti
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2023, 158,180 Malti siefer lejn pajjiż barrani, żieda ta’ madwar 11,340 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2019.
Fl-2022, l-aktar pajjiżi popolari li l-Malti għażel bħala d-destinazzjoni għall-vaganza tiegħu kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Ġermanja. It-Turkija kien l-aktar pajjiż popolari li mhuhiex parti mill-Unjoni Ewropea.
Aktar ma jmur, jidher ukoll li aktar Maltin qed jagħżlu li jqattgħu ljieli f’Għawdex. Fis-sena 2022, 331,445 turist Malti għażel li jqatta’ tal-anqas lejl wieħed fil-gżira tat-tliet għoljiet. Meta kkumparat mal-figuri tal-2019, li juru li 215,272 Malti qatta’ lejl fil-gżira Għawdxija, wieħed jinnota żieda konsiderevoli ta’ 54%.