Lulju tal-2023 jikser ir-rekord tal-aktar xahar sħun f'Malta

B’temperatura medja ta’ 29.6 °C, din qabżet ir-rekord preċedenti t’Awwissu tas-sena 1999; dik ta’ 29.2 °C

L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta ħabbar li Lulju tal-2023 kien l-aktar xahar sħun fl-istorja. B’temperatura medja ta’ 29.6 °C, din qabżet ir-rekord t’Awwissu tas-sena 1999; dik ta’ 29.2 °C.

Madanakollu, Awwissu tal-1999 għadu jżomm ir-rekord tal-għola temperatura reġistrata, dik ta’ 43.8 °C, minkejja li kellu temperatura medja aktar baxxa minn ta’ Lulju li għadda.

24 ġurnata minn Lulju li għadda raw temperaturi massimi ta’ aktar minn 31.7 °C, li hija n-norma ta’ dak ix-xahar. Aktar minn hekk, sitt ġranet konsekuttivi raw temperaturi massimi ta’ aktar minn 40 °C, waqt mewġa ta’ sħana li damet 10 ijiem.

L-aktar temperatura baxxa kienet reġistrata fis-sitta tax-xahar, hekk kif niżlet għal 21 °C. Din kienet ferm ilbogħod mir-rekord stabbilit f’Lulju tal-1980, fejn it-temperatura niżlet għal 15.5 °C, figura aktar viċin in-norma ta’ Novembru.

Tul ix-xahar li għadda, Malta gawdiet minn 382.1 siegħa ta’ xemx, bl-ammont minimu jkun ta’ 10.7 siegħa xemx f’ġurnata.

More in Socjali