Jitlestew xogħolijiet ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl

Dawn jinkludu cables ġodda sabiex wieħed ikun jista’ jeqleb minn waħda għall-oħra f’każ ta’ ħsarat

Wara dik li uħud sejjħu “kriżi nazzjonali”, fejn ammont kbir ta’ familji u negozji tħallew mingħajr elettriku għal sigħat twal bosta drabi, l-Enemalta ħabbret li għaddejja b’xogħlijiet ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni.

Dawn ix-xogħlijiet għandhom iwasslu sabiex, f’każ ta’ ħsarat, il-kumpanija ikollha mezzi alternattivi ta’ kif twassal id-dawl fid-djar.

Fis-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Imqabba, madwar 5,000 familja u negozju se jgawdu minn cable ġdid ta’ 11kV ta’ aktar minn 4km tul. Dan se jservi sabiex l-iġiniera jkunu jistgħu jeqilbu minn cable għal ieħor sakemm jissewwew xi ħsarat li jistgħu jinqalgħu.

L-istess se jsir fil-Mosta u ż-Żurrieq, b’cables ġodda ta’ 11kw twal 1.2 u 1.3km, li minnhom se jibbenefikaw 4,000 u 5,000 konsumatur rispettivament.

Fin-Naxxar, tkomplew ix-xogħlijiet għal Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid, fejn cable ta’ 600m ġdid tpoġġa sabiex jgħaqqad maċ-ċentru eżistenti tal-Mosta.

F’Ħal Qormi, 377 klijent se jibbenifika minn xogħol ta’ rinfurzar fuq livell ta’ vultaġġ baxx, hekk kif feeders ġodda tqabbdu mal-grid.

F’lokalitajiet oħra, sar xogħol fuq is-substations rispettivi tagħhom, fejn dawn ġew immoderniżżati. B’hekk, l-Enemalta se tkun qed iżżid l-awtomazzjoni fis-servizzi tagħha.

More in Socjali