Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Ambaxxatur tal-Italja f’Malta Fabrizio Romano, ħabbru li l-kantant Taljan Gianni Morandi se jagħti kunċert ieħor f’Malta.
Dan il-kunċert se jittella’ nhar is-Sibt 12 t’Awissu, fil-Forti Manoel f’Manoel Island, bħala parti mit-tour ta’ Morandi bl-isem ta’ ‘Go Gianni Go!’ L-avventiment qed jiġi organizzat mill-kumpanija Malta Globe Music Ltd, b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Morandi, li huwa magħruf għal kanzunetti bħal ‘Occhi di Ragazza’, ‘Scende la Pioggia’ u ‘La Fisarmonica’, kien ta kunċert f’Malta lura fis-sena 2019, li kien sar fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Il-Ministru Bonnici saħaq kif il-kunċert ta’ Gianni Morandi hu għal darb’oħra opportunità ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Italja.
Żied ukoll li, “kunċerti bħal dawn huma importanti, għaliex dawn mhux biss jiġbru eluf ta' dilettanti tal-mużika Taljana minn madwar l-Ewropa kollha iżda huwa pjattaforma importanti li permezz tagħha Malta tkompli ssir destinazzjoni attraenti fid-dinja tal-kunċerti u l-mużika.”
Romano saħaq li jemmen li, “il-preżenza f'Malta ta’ artist bħal Gianni Morandi jkompli jgħaqqad ir-rabta kulturali bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.”